L-Isport: Investiment fis-Saħħa, fil-Komunità u fil-Futur ta’ Malta

Minn Osservatur Politiku

Meta nitkellmu dwar l-isport, ħafna drabi naħsbu f’kompetizzjoni, f’rebħa, f’medalja jew f’tim li jirrappreżenta lil pajjiżna. Naħsbu fl-atleti li jagħmlu sforzi kbar biex jilħqu l-ogħla livelli u fil-mumenti ta’ emozzjoni li jġibu magħhom il-kompetizzjonijiet.

Imma l-isport huwa ħafna aktar minn hekk. L-isport huwa investiment fis-saħħa, fl-edukazzjoni, fil-karattru, fil-komunita’ u fil-futur tas-soċjeta’ tagħna.

F’pajjiż żgħir bħal Malta, fejn l-ispazju huwa limitat, it-traffiku dejjem jiżdied u l-ħajja ta’ kuljum qed issir dejjem aktar sedentarja, il-promozzjoni tal-attivita’ fiżika għandha tkun prijorita’ nazzjonali.

Dan mhux biss għax l-isport jagħmilna aktar b’saħħitna fiżikament imma wkoll għax l-attivita’ fiżika regolari tgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta’ diversi mard kroniku, filwaqt li tikkontribwixxi wkoll għall-benesseri mentali.

Għalhekk, meta ninvestu fl-isport, ma nkunux sempliċement qed nibnu grawnds jew norganizzaw kompetizzjonijiet. Inkunu qed nippruvaw innaqqsu l-mard, intejbu l-kwalita’ tal-ħajja u nibnu soċjeta’ aktar b’saħħitha.
Iżda l-benefiċċji tal-isport jibdew ħafna qabel ma persuna ssir atleta. Jibdew fit-tfulija. Tifel jew tifla li jitgħallem jilgħab f’tim jitgħallem ukoll jisma’, jikkollabora u jirrispetta lil ħaddieħor. Jitgħallem li mhux dejjem jista’ jirbaħ.

Jitgħallem jiffaċċja d-diżappunt u jerġa’ jipprova. Jitgħallem li s-suċċess ma jiġix mil-lum għal għada, iżda jirrikjedi dixxiplina, paċenzja u xogħol. Dawn huma lezzjonijiet li jibqgħu magħna għal ħajjitna kollha.

L-isport jgħallimna wkoll ir-responsabbilta’. Meta atleta jasal għat-taħriġ fil-ħin, jieħu ħsieb ġismu, isegwi programm u jaħdem lejn għan, ikun qed jiżviluppa drawwiet li jistgħu jgħinuh ukoll fl-istudju u aktar tard fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk m’għandniex inħarsu lejn il-ħin li t-tfal iqattgħu fl-isport bħala ħin meħud mill-edukazzjoni. Fil-verita’, huwa parti mill-edukazzjoni tagħhom.

U dan huwa partikolarment importanti f’era fejn it-teknoloġija tokkupa parti dejjem akbar mill-ħajja tagħna. It-tfal tagħna għandhom aċċess għal skrins, logħob diġitali u mezzi soċjali għal sigħat twal. L-isfida mhijiex li niġġieldu t-teknoloġija, iżda li nsibu bilanċ. L-isport jista’ jkun parti importanti minn dak il-bilanċ.

Imma rridu wkoll niftakru li l-isport mhuwiex biss għat-tfal u ż-żgħażagħ. Huwa għal kulħadd. Għall-adult li wara ġurnata xogħol jagħżel li jimxi jew jiġri. Għall-ġenitur li jilgħab ma’ wliedu. Għall-persuna ta’ eta’ akbar li tipparteċipa f’attivita’ fiżika adattata għall-kapaċitajiet tagħha. Għall-persuna b’diżabilita’ li trid issib post fejn tista’ tikkompeti, titħarreġ u, fuq kollox, tħossha parti mill-komunita’.

L-isport għandu l-qawwa li jgħaqqad. Fil-grawnd, ħafna mid-differenzi li jeżistu barra minnu jisparixxu. Il-persuna titqies għall-isforz, għat-talent u għall-impenn tagħha. Għalhekk sport inklussiv għandu jkun parti minn soċjeta’ li verament temmen fl-opportunitajiet indaqs.

Imma jekk verament nemmnu fl-importanza tal-isport, irridu nħarsu wkoll lejn l-ambjent li fih ngħixu. Ma nistgħux ngħidu lin-nies biex jimxu aktar jekk it-toroq mhumiex siguri. Ma nistgħux ninkoraġġixxu lit-tfal jilagħbu barra jekk l-ispazji miftuħa huma ftit jew inaċċessibbli. Ma nistgħux nitkellmu dwar stil ta’ ħajja attiv jekk l-ippjanar urban ma jagħtix biżżejjed spazju lill-mixi, ir-roti u l-attivita’ fiżika. Għalhekk l-isport għandu jkun marbut mal-ippjanar, it-trasport, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-ambjent.

Hemm ukoll dimensjoni ekonomika. Atleti ta’ livell għoli jistgħu jirrappreżentaw lil Malta fuq livell internazzjonali. Kompetizzjonijiet internazzjonali jistgħu jattiraw viżitaturi u jagħtu spinta lit-turiżmu. Faċilitajiet sportivi ta’ kwalita’ jistgħu joħolqu opportunitajiet ġodda għall-industrija sportiva u għall-professjonisti li jaħdmu fiha.

L-investiment fil-faċilitajiet huwa għalhekk importanti. Imma rridu niftakru li l-bini waħdu mhux biżżejjed. Il-veru suċċess jitkejjel minn kemm nies qed jużaw dawn il-faċilitajiet. Minn kemm tfal qed jibdew jipprattikaw sport. Minn kemm żgħażagħ jibqgħu attivi meta jikbru. Minn kemm nies li qabel kienu inattivi jsibu attivita’ li jgawdu. U minn kemm l-isport qed isir parti naturali mill-ħajja ta’ kuljum.

Għax l-isport m’għandux ikun privileġġ ta’ dawk li għandhom il-flus, il-ħin jew il-faċilitajiet qrib tagħhom. Għandu jkun opportunita’ għal kulħadd.

Għax il-kwistjoni mhijiex biss jekk Malta għandhiex biżżejjed champions. Naturalment irridu champions. Irridu atleti li jirbħu u li jagħmluna kburin. Imma qabel ma jkollna champions, irridu jkollna parteċipazzjoni.

Irridu lit-tfal tagħna jiċċaqalqu. Irridu lill-familji tagħna jkunu attivi. Irridu lill-anzjani tagħna jibqgħu b’saħħithom u indipendenti. Irridu komunitajiet fejn l-isport ikun parti mill-ħajja soċjali u mhux attivita’ marġinali.

U rridu nifhmu messaġġ sempliċi: kull ewro investit fl-isport mhuwiex biss ewro investit fil-kompetizzjoni. Jista’ jkun investiment fis-saħħa. Jista’ jkun investiment fl-edukazzjoni. Jista’ jkun investiment fil-komunita’. U jista’ jkun investiment f’Malta aktar b’saħħitha, aktar inklussiva u aktar kunfidenti.

L-isport għalhekk m’għandux ikun l-aħħar ħaġa li għandna naħsbu fiha wara li nindirizzaw l-isfidi l-oħra kollha. Huwa parti mill-mod kif nindirizzawhom.

Għax pajjiż li jrid ikun b’saħħtu għandu jinvesti fis-saħħa ta’ niesu. U pajjiż li jrid jibni ġenerazzjoni aktar dixxiplinata, kunfidenti u reżiljenti għandu jagħti lill-isport il-post li jistħoqqlu. Mhux biss fil-grawnd. Iżda fis-soċjeta’ kollha.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading