Kampanja Elettorali Ffukata fuq il-Mexxejja

Minn Osservatur Politiku

Tul is-snin, il-politika Maltija għaddiet minn diversi trasformazzjonijiet. Bidlu l-mezzi ta’ komunikazzjoni, żviluppaw il-kampanji elettorali, u nbidlet ukoll il-mod kif il-partiti jippreżentaw lilhom infushom quddiem l-elettorat. Iżda forsi waħda mill-akbar bidliet li rajna f’dawn l-aħħar snin hija l-mod kif il-kampanji elettorali saru dejjem aktar iffukati fuq il-mexxejja tal-partiti politiċi, kważi bħallikieku Malta qed tgħix tellieqa presidenzjali.

Għalkemm is-sistema politika tagħna tibqa’ waħda parlamentari, fejn il-votant jagħżel rappreżentanti parlamentari u mhux president eżekuttiv, ir-realta’ tal-kampanji moderni hija differenti ħafna. Illum il-ġurnata, il-kampanja ta’ partit ħafna drabi tinbena kważi kompletament madwar il-personalita’ tal-mexxej. Il-messaġġi, il-komunikazzjoni, id-deċiżjonijiet politiċi u anke l-identita’ tal-partit innifsu jsiru marbuta direttament mal-immaġni ta’ persuna waħda.

Din mhijiex realta’ esklussivament Maltija. F’ħafna pajjiżi demokratiċi rajna żieda fil-“presidenzjalizzazzjoni” tal-politika, fejn il-mexxej jieħu rwol ċentrali ferm akbar minn dak li kellu tradizzjonalment. Madankollu, f’Malta dan il-fenomenu għandu effetti partikulari minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż, il-kultura politika intensa u l-polarizzazzjoni qawwija bejn iż-żewġ partiti ewlenin.

Il-midja moderna għandha rwol importanti ħafna f’dan il-proċess. Il-komunikazzjoni politika llum hija ħafna aktar ibbażata fuq l-immaġni, il-preżenza personali u l-kapaċita’ ta’ mexxej li joħloq konnessjoni emozzjonali mal-elettorat. Il-midja soċjali kompliet issaħħaħ dan il-fenomenu, għax tippermetti lill-mexxej jikkomunika direttament man-nies, mingħajr il-filtru tradizzjonali tal-partit jew tal-istituzzjonijiet.

B’riżultat ta’ dan, ħafna drabi l-politika ssir aktar dwar il-persuna milli dwar il-politika nnifisha. Minflok dibattitu dwar ideat, viżjoni jew programmi fit-tul, l-enfasi tiċċaqlaq lejn il-karattru, il-personalita’ u l-istil tal-mexxej. Il-votanti jiġu mħeġġa jidentifikaw ruħhom ma’ individwu aktar milli ma’ sett ta’ prinċipji jew policies.

Dan għandu konsegwenzi importanti fuq il-politika interna tal-pajjiż. L-ewwel effett huwa li l-partiti politiċi jsiru dejjem aktar dipendenti fuq il-popolarita’ tal-mexxej tagħhom. Meta partit jibni l-identita’ kollha tiegħu madwar persuna waħda, kull bidla fil-perċezzjoni ta’ dik il-persuna tista’ taffettwa direttament il-fortuna politika tal-partit kollu.
Dan joħloq ukoll pressjoni kbira fuq il-mexxejja nfushom.

F’sistema dejjem aktar personalizzata, il-mexxej ma jibqax biss rappreżentant tal-partit, iżda jsir il-prodott politiku ewlieni tiegħu. Kull diskors, kull dehra pubblika u kull żball personali jiġu analizzati u amplifikati b’mod immedjat.
Fl-istess ħin, il-bqija tal-kandidati u tal-esponenti politiċi jistgħu jispiċċaw f’pożizzjoni sekondarja. Minflok ma jiġu promossi timijiet b’kompetenzi differenti u ideat diversi, il-fokus kollu jispiċċa fuq il-mexxej. Dan jista’ jdgħajjef il-kultura interna tal-partiti u jnaqqas l-importanza tad-dibattitu intern.

Effett ieħor importanti huwa fuq il-kwalita’ tad-diskors politiku. Meta kampanja ddur madwar il-personalitajiet, hemm riskju li l-politika ssir aktar emozzjonali u inqas sostantiva. Il-konfront politiku jibda jiffoka aktar fuq min hu aktar popolari, aktar “likable” jew aktar kapaċi joħloq impatt immedjat, aktar milli fuq min għandu l-aħjar pjan għall-pajjiż.

Dan jista’ jwassal ukoll għal aktar polarizzazzjoni. Meta l-politika tiġi personifikata, il-kritika lejn politika jew deċiżjoni ħafna drabi tiġi interpretata bħala attakk personali fuq il-mexxej. Dan isaħħaħ il-mentalita’ ta’ “magħna jew kontrina” u jagħmilha aktar diffiċli biex isir dibattitu matur u bilanċjat.

Fil-kuntest Malti, fejn il-partiġġjaniżmu diġa’ huwa qawwi ħafna, din il-presidenzjalizzazzjoni tal-politika tista’ tkompli żżid it-tensjoni politika. Il-mexxejja jsiru simboli assoluti tal-partiti tagħhom, u kull elezzjoni tibda tidher aktar bħala referendum fuq persuna milli bħala għażla bejn żewġ viżjonijiet differenti għall-pajjiż.

Madankollu, hemm ukoll raġunijiet għaliex dan il-fenomenu qed iseħħ. Il-votanti ħafna drabi jfittxu ċarezza u direzzjoni. F’dinja politika dejjem aktar kumplessa, il-mexxej isir il-punt ta’ referenza ewlieni. In-nies iridu jkunu jafu min se jmexxi lill-pajjiż, kif se jirreaġixxi taħt pressjoni, u jekk għandhomx fiduċja fih.

Għalhekk, il-personalita’ tal-mexxej inevitabbilment tibqa’ fattur importanti. Il-problema tibda meta l-politika kollha tinġabar madwarha u meta l-istituzzjonijiet jew il-prinċipji jispiċċaw jiddependu wisq fuq individwu wieħed.

Demokrazija b’saħħitha għandha tkun mibnija fuq aktar minn personalitajiet. Għandha tkun mibnija fuq istituzzjonijiet robusti, fuq timijiet kompetenti u fuq kultura politika li tħeġġeġ id-dibattitu u l-kontabilita’. Meta kollox jiddependi fuq il-mexxej, hemm riskju li l-istituzzjonijiet jiddgħajfu u li l-politika ssir aktar vulnerabbli għal kalkoli personali.

Dan narawh ukoll fil-mod kif jiġu mfassla l-kampanji elettorali moderni. Illum il-ġurnata ħafna mill-komunikazzjoni politika hija mibnija madwar l-immaġni tal-mexxej: intervisti personali, filmati emozzjonali, messaġġi diretti fuq il-midja soċjali u attivitajiet li juru lill-mexxej qrib in-nies. Dawn kollha huma tekniki maħsuba biex jinħoloq rapport personali bejn il-votant u l-kandidat ewlieni.

Iżda dan jista’ jwassal biex il-politika ssir aktar superfiċjali. Minflok diskussjoni dwar ekonomija, edukazzjoni, saħħa jew governanza, il-fokus jiċċaqlaq lejn il-mod kif il-mexxej jidher, jitkellem jew jirreaġixxi. F’ċerti każijiet, il-prestazzjoni medjatika ssir aktar importanti mis-sustanza nnifisha.

Dan ma jfissirx li l-mexxejja mhumiex importanti. Naturalment huma importanti. Mexxej tajjeb jista’ jagħti direzzjoni, joħloq fiduċja u jgħaqqad lin-nies. Iżda l-politika ma tistax tkun biss dwar persuna waħda. Pajjiż ma jitmexxiex minn individwu waħdu, iżda minn istituzzjonijiet, timijiet u sistema demokratika sħiħa.

Għalhekk, hemm bżonn bilanċ. Il-mexxej għandu jibqa’ figura ċentrali, iżda mingħajr ma jegħleb kompletament lill-partit, lill-kandidati l-oħra u lid-diskussjoni politika nnifisha.
Il-votanti wkoll għandhom rwol importanti f’dan il-proċess. F’elezzjoni, huwa naturali li wieħed jikkunsidra l-mexxejja, iżda huwa importanti wkoll li wieħed jevalwa l-politiki, il-programmi u l-kapaċita’ tat-tim kollu. Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-futur tal-pajjiż ma jiddependix biss fuq persuna waħda, iżda fuq kemm is-sistema kollha tkun kapaċi taħdem b’mod effettiv u responsabbli.

Il-politika Maltija tinsab f’mument fejn trid tiddeċiedi x’tip ta’ kultura demokratika trid tibni għall-futur. Waħda ibbażata biss fuq il-personalita’ tal-mument, jew waħda li tagħti importanza akbar lill-istituzzjonijiet, lill-ideat u lill-kredibbilta’ fit-tul.

Il-kampanji elettorali jistgħu jibqgħu moderni, dinamiċi u ffukati fuq il-mexxejja mingħajr ma jitilfu s-sustanza tagħhom. Iżda biex dan iseħħ, hemm bżonn aktar maturita’ politika, aktar spazju għal dibattitu serju u aktar enfasi fuq il-kontenut milli fuq l-ispettaklu.

Għax fl-aħħar mill-aħħar, elezzjoni mhijiex biss kompetizzjoni bejn mexxejja. Hija deċiżjoni dwar id-direzzjoni ta’ pajjiż.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading