Il-Wegħdi Elettorali

Minn Osservatur Politiku

F’kull kampanja elettorali f’Malta naraw l-istess xena tirrepeti ruħha. Il-palk jintela bid-diskorsi, il-midja soċjali tintela b’vidjows u slogans, u l-wegħdi jibdew jixxerrdu b’pass mgħaġġel. Il-kliem ma jonqos qatt. Il-wegħdi lanqas. Imma l-mistoqsija li dejjem tibqa’ tgħaddi minn moħħ l-elettorat hija waħda sempliċi u diretta: fejn hu l-kontenut veru?

‘Talk is cheap’ jgħid il-qawl Ingliż. U f’kampanja elettorali, dan jidher aktar minn qatt qabel. Huwa faċli li twiegħed. Huwa faċli li tgħid dak li n-nies jixtiequ jisimgħu. Imma huwa ħafna iktar diffiċli li tippreżenta pjan serju, realistiku u sostenibbli.
Matul is-snin, f’Malta żviluppat kultura politika fejn il-wegħda saret kważi l-munita ewlenija tal-kampanja. Kull partit jipprova joffri aktar mill-ieħor—aktar benefiċċji, aktar inċentivi, aktar miżuri li jidhru attraenti.

Imma din il-kompetizzjoni fil-wegħdi għandha konsegwenza perikoluża: twassal għal aspettattivi li mhux dejjem jistgħu jintlaħqu. Meta l-wegħdi ma jkunux imsejsa fuq realta’ finanzjarja soda, jispiċċaw jew ma jitwettqux, jew jitwettqu b’mod li joħloq pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa ċ-ċittadin li jħallas il-prezz.

Il-mistoqsija ‘Where is the beef?’ hija relevanti ħafna f’dan il-kuntest. L-elettorat illum ma jridx biss kliem sabiħ. Irid jara s-sustanza.

Irid jifhem:
• X’inhu l-pjan wara l-wegħda?
• Kif se jiġi implimentat?
• Kemm se jiswa?
• Minn fejn se jiġu l-flus?

Dawn huma mistoqsijiet fundamentali li spiss ma jingħatawx biżżejjed attenzjoni matul il-kampanja.
Illum, ħafna familji qed jiffaċċjaw sfidi reali. L-għoli tal-ħajja, il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni u l-pressjonijiet ta’ kuljum huma realtajiet li ma jistgħux jiġu indirizzati b’slogans biss.

Meta partit iwiegħed għajnuna, l-elettorat irid jara kif din se tkun sostenibbli fit-tul. Miżuri temporanji jistgħu jagħtu serħan momentanju, iżda ma jsolvux il-problemi strutturali.

Hawnhekk jidħol il-bżonn ta’ politika serja—politika li tħares lil hinn mill-elezzjoni u tiffoka fuq soluzzjonijiet fit-tul.

Il-finanzi pubbliċi hija realta’ li ma tistax tiġi njorata. Kull wegħda għandha spiża. Dan huwa fatt li ma jistax jiġi injorat. Meta partiti jippreżentaw pakketti kbar ta’ miżuri mingħajr spjegazzjoni ċara dwar kif se jiġu finanzjati, qed jitilfu mill-kredibbilta’ tagħhom. Il-finanzi pubbliċi mhumiex illimitati.

Defiċits, dejn u spejjeż rikorrenti huma kollha fatturi li jridu jiġu kkunsidrati. Politika responsabbli titlob bilanċ bejn dak li jixtieq jingħata u dak li hu possibbli.

F’kampanja elettorali, il-populiżmu jista’ jidher attraenti. Wegħdi kbar, soluzzjonijiet sempliċi għal problemi kumplessi, u retorika li tgħolli l-emozzjonijiet. Imma l-populiżmu għandu prezz. Meta l-politika titbiegħed mir-realta’ u tinbena fuq aspettattivi mhux realistici, il-konsegwenzi jidhru wara l-elezzjoni. Telf ta’ fiduċja, pressjoni fuq il-finanzi u diffikultajiet fit-tmexxija. Għalhekk, l-elettorat għandu jkun attent u kritiku.
Dak li qed jitlob l-elettorat illum huwa aktar serjeta’.

Serjeta’ tfisser:
• pjani dettaljati,
• analiżi finanzjarja,
• u trasparenza sħiħa.

Il-votanti għandhom dritt ikunu jafu mhux biss x’se jsir, iżda kif se jsir. Dan mhux biss isaħħaħ il-fiduċja, iżda jtejjeb ukoll il-kwalita’ tad-dibattitu pubbliku.
Il-midja u s-soċjeta’ ċivili għandhom rwol importanti f’dan il-proċess. Għandhom jisfidaw il-wegħdi, jistaqsu mistoqsijiet diffiċli u jitolbu spjegazzjonijiet. Kampanja elettorali b’saħħitha mhijiex waħda fejn kollox jiġi aċċettat bla kritika, iżda waħda fejn hemm skrutinju serju.

L-aħbar tajba hija li l-elettorat Malti qed isir dejjem aktar matur. Hemm aktar għarfien, aktar aċċess għall-informazzjoni u aktar kapaċita’ li wieħed janalizza. Dan ifisser li l-politika trid tadatta. Ma tistax tibqa’ tiddependi fuq metodi ta’ komunikazzjoni li kienu jaħdmu fil-passat. Illum, il-votanti jridu evidenza, mhux biss emozzjoni.

Waħda mill-akbar sfidi hija li l-politika ma tibqax iffukata biss fuq l-elezzjoni. Deċiżjonijiet li jittieħdu llum għandhom konsegwenzi fit-tul. Għalhekk, hemm bżonn viżjoni li tmur lil hinn mill-ħames snin li ġejjin. Politika responsabbli trid tħares lejn il-futur—lejn l-ekonomija, l-ambjent, is-soċjeta’ u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Fl-aħħar mill-aħħar, kollox jinżel għall-fiduċja. Meta l-elettorat jitlef il-fiduċja fil-wegħdi politiċi, il-konsegwenzi jkunu serji. Parteċipazzjoni tonqos, diżillużjoni tikber u d-demokrazija tiddgħajjef. Il-fiduċja tinbena bil-kliem, imma tinżamm bl-azzjonijiet.

Din il-kampanja elettorali hija opportunita’. Opportunita’ biex nitilgħu livell ogħla fid-diskors politiku. Opportunita’ biex nimxu minn slogans għal sostanza. Opportunita’ biex nibnu politika aktar responsabbli u kredibbli.

L-elettorat għandu r-rwol ewlieni f’dan il-proċess. Billi jistaqsi, janalizza u jagħmel għażla informata.
Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija mhijiex kemm hemm wegħdi. Il-mistoqsija hija: liema minnhom huma veri, realistici u sostenibbli?

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading