Aktar Dwar l-Attentat ta’ Ħarba u l-Kundizzjonijiet fil-Ħabs ta’ Kordin

Illum l-Għassa tal-Pulizija ta’ Paola. Originarjament, din kienet id-daħla tal-ħabs tan-nisa

Dan il-blog ħareġ bl-aħbar esklussiva li kien hemm ħarba mill-ħabs. Dan il-blog jinsab infurmat li l-awtoritajiet tal-ħabs mhux qed jieħdu pjaċir li qed ikunu ppubblikati dawn l-aħbarijiet speċjalment issa li dan hu l-uniku blog li qed jinforma dwar dak li verament qed jiġri ġewwa l-ħabs.

L-argument li l-awtoritajiet qed iġibu li dan mhux b’saħħtu daqs il-gazzetti tradizzjonali. Dan jikkonferma li l-gazzetti tradizzjonali huma kkontrollati u ġew użati fl-imgħoddi u fil-preżent biex jirrappurtaw dak li jaqbel lil min għandu aġenda partikolari dwar il-ħabs. Iżda jidher ċar li dak li joħroġ f’dan is-sit qed jiġi segwit mill-qrib u qed iqajjem tħassib.

Għal darba oħra dan il-blogg jista’ jikkonferma li kien hemm attentat ta’ ħarba ġewwa l-CoRRs. Sa dan il-mument ma kien hemm l-ebda ċaħda uffiċjali la mill-Ministeru u lanqas mill-amministrazzjoni tal-ħabs dwar dan il-każ.

Wara l-inċident, il-persuna involuta tpoġġiet fid-Diviżjoni 6. Imbagħad, skont l-informazzjoni li għandna bħalissa, ġiet trasferita fid-Diviżjoni 1.

Fl-istess ħin nistgħu nikkonfermaw ukoll li lir-riżervisti ngħataw ordnijiet biex ma jilbsux l-uniformi tal-ħabs u biex ma jaħdmux direttament mal-priġunieri. Dan jidher li ġara wara disgwit bejn l-AFM u l-amministrazzjoni tal-ħabs. Minflok, dawn ġew assenjati għal xogħol f’uffiċċji u dipartimenti amministrattivi bħal stores, projects, procurement, gatehouse u l-akkademja. L-uffiċjali tal-ħabs m’għandhom xejn kontra r-riżervisti, iżda din is-sitwazzjoni qed tqajjem mistoqsijiet dwar in-nuqqas ta’ viżjoni u ppjanar fl-amministrazzjoni.

Dan kollu jfisser li l-ftit għajnuna li kien hemm biex tappoġġja lill-uffiċjali li jaħdmu direttament mal-priġunieri prattikament spiċċat fix-xejn. B’kollox, erbgħa u għoxrin persuna ma għadhomx qed jagħtu dik l-għajnuna fejn kienet meħtieġa l-aktar.

Ironikament, jidher li hemm fondi biex jinżammu dawn l-arranġamenti amministrattivi u biex jitħallsu dawn ir-riżervisti. Madankollu, meta uffiċjal ikollu bżonn affarijiet bażiċi bħal qalziet ġdid tal-uniformi, jingħadlu li m’hemmx. Flus biex insebbħu l-prison grounds bi fjuri u siġar jidher li hemm, biex tingħata l-impressjoni ta’ ambjent sabiħ, iżda mbagħad mhux dejjem hemm ambjenti komdi u siguri fejn jaħdmu u jistrieħu l-uffiċjali. Ħafna drabi dawn jitħallew f’telqa’. Kundizzjonijiet tal-guard rooms fid-Division 20, il-bakery, il-forensic unit, il-main gate, il-gatehouse u postijiet oħra huma fost dawk li spiss jissemmaw f’dan il-kuntest.

Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-fatti jqajmu mistoqsijiet serji dwar kif qed jitmexxa l-ħabs u dwar il-prijoritajiet li qed jittieħdu. Meta jkun hemm attentat ta’ ħarba u, fl-istess ħin, riżervisti ma jitħallewx jaħdmu fejn hemm bżonnhom l-aktar, filwaqt li uffiċjali jibqgħu mingħajr riżorsi bażiċi, il-messaġġ li joħroġ huwa wieħed ta’ sistema li tidher li qed taħdem bil-maqlub.

Min għandu r-responsabbiltà għandu jagħti spjegazzjoni ċara, għax is-sigurtà u d-dixxiplina ġewwa l-ħabs m’għandhom qatt jitħallew isiru kwistjoni sekondarja.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading