L-Ilsien Malti

Jekk tmur illum fl-istess postijiet fejn jinġabru t-tfal u ż-żgħażagħ – fil-bitħa tal-iskola, fiċ-ċentri sportivi, fil-ħwienet tal-fast food jew anke fuq il-mezzi soċjali – il-lingwa predominanti li jikkomunikaw biha ssib li hi l-Ingliż u mhux il-Malti. Din mhijiex osservazzjoni każwali jew sentiment nostalġiku imma hija realta’ li qed tinbidel quddiem għajnejna u li tixraq diskussjoni serja u matura.

Il-lingwa mhijiex biss mezz ta’ komunikazzjoni. Hija parti mill-identita’ kollettiva tagħna, mill-mod kif naħsbu, inħossu u nifhmu d-dinja ta’ madwarna. Il-Malti, bħala lsien nazzjonali u uffiċjali, huwa wieħed mill-aktar simboli ċari tal-istorja u tal-karattru tagħna bħala poplu. Meta l-użu tiegħu jonqos fl-ispazji naturali ta’ kuljum, speċjalment fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa, dan għandu jwassalna għal riflessjoni serja.

Importanti li nkunu ċari – ħadd ma qed jargumenta kontra l-Ingliż. L-Ingliż huwa lingwa internazzjonali ta’ opportunita’, ta’ edukazzjoni u ta’ negozju. Il-fatt li s-soċjeta’ Maltija hija bilingwi huwa vantaġġ kompetittiv li pajjiżi oħra jammiraw. Iżda l-bilingwiżmu m’għandux ifisser sostituzzjoni. Il-periklu ma jinsabx fl-għarfien tal-Ingliż, iżda fil-possibbilta’ li l-Malti jitwarrab gradwalment mill-ħajja ta’ kuljum.

Hemm diversi fatturi li qed jikkontribwixxu għal din ix-xejra. L-ewwel nett, l-influwenza tal-midja globali hija qawwija. It-tfal u ż-żgħażagħ illum jikbru f’ambjent diġitali fejn il-kontenut predominanti huwa bl-Ingliż: YouTube, Netflix, TikTok, logħob elettroniku u pjattaformi oħra. Il-lingwa li biha jikkunsmaw l-informazzjoni u d-divertiment issir naturalment il-lingwa li biha jesprimu ruħhom.

It-tieni fattur huwa demografiku. Il-popolazzjoni ta’ Malta nbidlet b’mod sostanzjali f’dawn l-aħħar snin. Il-preżenza ta’ komunitajiet barranin ġabet magħha realtajiet ġodda fil-klassijiet u fil-komunitajiet. F’ambjent multikulturali, l-Ingliż spiss iservi bħala lingwa komuni ta’ komunikazzjoni. Dan huwa żvilupp li għandu aspetti pożittivi ta’ inklużjoni u integrazzjoni, iżda għandu wkoll impatt fuq il-pożizzjoni tal-Malti bħala lsien tal-interazzjoni spontanja.

It-tielet fattur huwa relatat mal-perċezzjoni. Għal xi żgħażagħ, l-Ingliż jidher aktar ‘cool’, aktar modern, aktar konness mad-dinja globali. Il-Malti, min-naħa l-oħra, xi drabi jiġi percepit bħala lingwa tal-iskola jew tal-eżamijiet, mhux neċessarjament tal-ħajja soċjali. Meta lingwa titlef il-prestiġju soċjali tagħha fost iż-żgħażagħ, tibda titlef ukoll il-post naturali tagħha fil-komunikazzjoni informali.

Din is-sitwazzjoni tqajjem mistoqsija fundamentali: x’se jkun il-futur tal-Malti jekk ma jibqax il-lingwa spontanja tat-tfal tagħna? Lingwa tgħix mhux biss fil-kotba u fid-dokumenti uffiċjali, iżda fil-konversazzjonijiet ta’ kuljum, fil-logħob, fl-umoriżmu, fl-imħabba u fl-argumenti. Meta dawn l-ispazji jiġu dominati minn lingwa oħra, il-Malti jirriskja li jsir lingwa sekondarja, formali u distakkata.

Dan ma jfissirx li rridu naġixxu b’paniku jew b’mentalita’ ta’ assedju. L-istorja tal-Malti hija storja ta’ reżiljenza u adattament. Għadda minn perjodi fejn kien meqjus inferjuri għal lingwi oħra, u xorta waħda rnexxielu jsib postu bħala lsien nazzjonali u anke uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Iżda r-reżiljenza ma tfissirx indifferenza.

L-edukazzjoni għandha rwol kruċjali. Il-Malti m’għandux jiġi ppreżentat biss bħala suġġett akkademiku, iżda bħala mezz ħaj ta’ espressjoni kreattiva. Aktar investiment fil-letteratura għat-tfal u ż-żgħażagħ, fil-produzzjoni awdjoviżiva bil-Malti u f’kontenut diġitali attraenti jista’ jgħin biex il-lingwa tibqa’ relevanti. Jekk iż-żgħażagħ jaraw lilhom infushom riflessi fil-kultura Maltija moderna, ikunu aktar inklinati jużaw il-lingwa b’mod naturali.

Il-familja għandha wkoll responsabbilta’. Il-lingwa titgħallem l-ewwel nett id-dar. Meta l-ġenituri jagħżlu li jikkomunikaw bit-tfal tagħhom bl-Ingliż bħala lingwa primarja, anke meta huma Maltin, qed jibagħtu messaġġ sottili dwar il-valur relattiv tal-lingwi. Li nitkellmu bil-Malti ma jnaqqasx mill-opportunitajiet tat-tfal – anzi, isaħħaħ il-pedament identitarju tagħhom.

Il-politika pubblika trid tkun sensittiva u bilanċjata. Ma nistgħux ninjoraw ir-realta’ multilingwi ta’ Malta, iżda lanqas ma nistgħu nħallu l-forzi tas-suq u tal-globalizzazzjoni jiddeterminaw kollox. Kampanji ta’ promozzjoni tal-Malti, appoġġ lill-artisti u lill-kreattivi li jaħdmu bil-lingwa tagħna, u inizjattivi li jagħmlu l-Malti viżibbli fl-ispazju pubbliku huma kollha passi li jistgħu jsaħħu l-preżenza tiegħu.

Importanti wkoll li ma noħolqux diviżjoni falza bejn Malti u Ingliż. Il-mira m’għandhiex tkun li wieħed jegħleb lill-ieħor, iżda li t-tnejn jgħixu flimkien b’armonija. Il-bilingwiżmu huwa ġid kbir, iżda biex ikun ġenwin irid ikun ibbażat fuq bilanċ reali, mhux fuq dominanza prattika ta’ lingwa waħda.

Il-lingwa hija wkoll kwistjoni ta’ kunfidenza nazzjonali. Pajjiż li jemmen fih innifsu ma jibżax mill-ftuħ lejn id-dinja, iżda lanqas ma jċedi l-qalba tal-identita’ tiegħu. Il-Malti huwa parti minn dik il-qalba. Jekk irridu li jibqa’ lingwa ħajja fl-2050 u lil hinn, irridu naġixxu llum.

Meta naraw grupp ta’ tfal Maltin jitkellmu bejniethom bl-Ingliż, ma rridux nikkundannawhom. Huma prodotti tal-ambjent li fih qed jikbru. Il-mistoqsija vera hija x’qed nagħmlu aħna bħala soċjeta’ biex noħolqu ambjent fejn il-Malti jibqa’ naturali, modern u attraenti?

Il-futur tal-lingwa tagħna mhux se jiġi deċiż b’liġi waħda jew b’diskors wieħed. Se jiġi deċiż fil-ħajja ta’ kuljum – fil-familji, fl-iskejjel, fil-midja u fil-komunitajiet. Jekk irridu li l-Malti jibqa’ l-lingwa tal-qalb u mhux biss tal-karta, irridu nagħtuh spazju, rispett u vitalita’.

Malta dejjem kienet pont bejn kulturi differenti. Nistgħu nibqgħu hekk mingħajr ma nitilfu lilna nfusna. Iżda biex dan iseħħ, irridu nagħrfu li l-lingwa mhijiex dettall żgħir; hija l-vuċi tagħna bħala poplu. U dik il-vuċi jistħoqqilha tinstema’ ċara u b’saħħitha, anke – u speċjalment – fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading