Il-Politiku ma Għandux Jibża’ Jaċċetta li Żbalja

Minn osservatur politiku
F’demokrazija matura, iċ-ċittadini ma jistennewx il-perfezzjoni mill-politiċi tagħhom. Huma jafu li min jaħdem fil-ħajja pubblika huwa bniedem u, bħal kull bniedem, jista’ jiżbalja. Madankollu, dak li s-soċjeta’ għandha dritt tistenna huwa mod kif jiġu indirizzati dawn l-iżbalji: b’onesta’, b’serenita’ u b’azzjoni konkreta. Meta politiku jagħmel żball, l-ammissjoni ċara tiegħu, spjegazzjoni responsabbli u passi konkreti biex jikkoreġi s-sitwazzjoni huma pilastri essenzjali tal-governanza tajba.
Ir-responsabbilta’ politika mhijiex biss kelma sabiħa li tintuża fid-diskorsi imma hija prinċipju fundamentali tad-demokrazija parlamentari. Fil-kuntest Malti, fejn il-ħajja politika hija spiss polarizzata bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, l-iżbalji kultant jispiċċaw jiġu interpretati bħala opportunitajiet ta’ attakk aktar milli mumenti ta’ riflessjoni.
Madankollu, kultura politika b’saħħitha ma tinbeniex fuq min jirbaħ argument, iżda fuq min juri maturita’. Meta politiku jirrikonoxxi li żbalja, ma jkunx qed juri dgħufija iżda ikun qed juri rispett lejn il-poplu u lejn l-istituzzjonijiet. Dan l-att jista’ saħansitra jsaħħaħ il-kredibilita’ tiegħu aktar milli jnaqqasha.
L-ewwel reazzjoni għal żball ħafna drabi tiddetermina kif il-pubbliku jinterpretah. Tentattivi biex jiġi minimizzat jew miċħud dak li jkun ġara jistgħu jkomplu jkabbru l-problema. Min-naħa l-oħra, ammissjoni immedjata u ċara turi trasparenza u sens ta’ responsabbilta’.
Il-poplu japprezza l-awtentiċita’. Meta politiku jgħid b’mod dirett ‘Iva, żbaljajt’, ikun qed jagħti sinjal qawwi li jifhem il-gravita’ tal-pożizzjoni tiegħu. Dan huwa partikolarment importanti f’pajjiż żgħir bħal Malta, fejn il-fiduċja fl-istituzzjonijiet hija ġid prezzjuż li jista’ jintilef malajr jekk ma jiġix imħares.
Wara l-ammissjoni, hemm il-bżonn ta’ spjegazzjoni ċara u serenament artikolata. Mhux kull żball għandu l-istess piż jew l-istess konsegwenzi. Hemm differenza bejn deċiżjoni amministrattiva li ma tatx ir-riżultat mixtieq u każ ta’ nuqqas etiku serju. Madankollu, f’kull każ, il-pubbliku għandu dritt jifhem x’ġara u għaliex.
Spjegazzjoni serenament mogħtija tfisser li ma tintużax lingwaġġ aggressiv jew difensiv, u li ma jintgħażlux scapegoats biex jiġi evitat ir-responsabbilta’ personali. Politiku li jispjega b’mod kalm u fattwali juri li għandu kontroll tas-sitwazzjoni u li qed jieħu l-kwistjoni bis-serjeta’.
F’dan il-kuntest, il-midja u l-istituzzjonijiet parlamentari għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-ispjegazzjonijiet jingħataw f’ambjent li jippermetti diskussjoni serja, mhux biss polemika.
L-ammissjoni u l-ispjegazzjoni huma essenzjali, iżda waħedhom mhumiex biżżejjed. Il-vera prova tal-kredibilita’ ta’ politiku tiġi meta jittieħdu passi konkreti biex jiġi kkoreġut l-iżball. Dan jista’ jfisser bidla fil-politika, reviżjoni ta’ proċeduri, jew, f’ċerti każijiet, anke riżenja.
Ir-riżenja mhijiex dejjem meħtieġa, iżda meta żball ikun ta’ natura serja li jnaqqas il-fiduċja pubblika, tista’ tkun l-aktar azzjoni xierqa. F’ħafna demokraziji Ewropej, rajna ministri jirriżenjaw mhux għax kienu ħatja ta’ reat, iżda għax fehmu li l-pożizzjoni tagħhom kienet saret insostenibbli. Dan huwa sinjal ta’ kultura politika fejn il-kariga hija servizz u mhux privileġġ permanenti.
Waħda mill-akbar sfidi fil-politika Maltija hija t-tendenza li kull żball jiġi difiż jew attakkat fuq linji partiġġjani. Meta sostenituri ta’ partit jiddefendu lil politiku tagħhom mingħajr ma jqisu l-fatti, jew meta l-oppożizzjoni tisfrutta kull żball biex tikseb punti politiċi, il-proċess ta’ responsabbilta’ jitlef is-serjeta’ tiegħu.
Din id-dinamika tista’ twassal għal klima fejn l-ammissjoni ta’ żball titqies bħala arma li tintuża kontra min jagħmilha. B’hekk, il-politiċi jistgħu jibdew jibżgħu jammettu żbalji, u jippreferu jidħlu f’pożizzjoni difensiva. Dan ma jgħinx lill-pajjiż; anzi, ikompli jnaqqas il-livell ta’ fiduċja u jsaħħaħ il-polarizzazzjoni.
Il-politiċi huma mexxejja mhux biss fid-deċiżjonijiet tagħhom, iżda wkoll fl-imġiba tagħhom. Meta politiku jaġixxi b’responsabbilta’ wara żball, ikun qed jagħti eżempju lill-amministrazzjoni pubblika kollha u lis-soċjeta’ inġenerali. Juri li l-akkontabilita’ mhijiex biss kelma fuq karat, iżda prinċipju li għandu jiġi applikat.
Dan huwa partikolarment importanti fi żmien meta ċ-ċittadini qed jitolbu aktar trasparenza u integrita’. Soċjeta’ moderna ma tissodisfax ruħha b’slogans iżda trid azzjonijiet konkreti u konsistenti.
Barra mill-individwu, hemm ukoll ir-rwol tal-istituzzjonijiet. Il-Parlament, il-kumitati tiegħu u entitajiet ta’ sorveljanza għandhom jiżguraw li l-proċessi ta’ responsabbilta’ jkunu effettivi u ġusti. Meta dawn l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod indipendenti u imparzjali, jgħinu biex jinħoloq ambjent fejn l-ammissjoni ta’ żball ma tkunx att ta’ kuraġġ straordinarju, iżda parti normali mill-ħajja politika.
Li politiku jiżbalja mhuwiex it-tmiem tad-dinja. L-iżbalji huma parti mill-ħajja umana u mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Dak li verament jimporta huwa kif dawn l-iżbalji jiġu indirizzati. Ammissjoni ċara, spjegazzjoni serenament mogħtija u azzjoni konkreta huma t-triq lejn il-bini u ż-żamma tal-fiduċja pubblika.
F’Malta, fejn il-politika hija passjonata u kultant polarizzata, hemm bżonn ta’ kultura li tippremja l-onesta’ aktar milli l-arroganza, u r-responsabbilta’ aktar milli d-difiża bla kundizzjoni. Meta politiku jagħmel żball u jaġixxi b’mod matur u trasparenti, mhux biss jirranġa sitwazzjoni partikolari iżda jkun qed isaħħaħ il-pedamenti tad-demokrazija nnifisha.
