Ristrutturar jew Kriżi? Mewġ Ġdid ta’ Transferimenti u Kunflitt bejn l-AFM u l-Ħabs fuq ir-Riżervisti

Fl-aħħar tliet xhur is-sistema korrettiva kienet diġà taħt pressjoni minħabba moviment intern sinifikanti ta’ persunal. Madankollu, tard il-Ġimgħa filgħaxija ħarġet deċiżjoni oħra li qed tqajjem mistoqsijiet serji: aktar minn 40 transfer ieħor ta’ uffiċjali korrettivi fi żmien qasir ħafna.
Dan qed isir bl-iskuża li xi uffiċjali talbu trasferiment huma stess jew minħabba eżiġenzi tas-servizz. Madankollu, meta wieħed janalizza s-sitwazzjoni, ir-risposta tidher ċara mill-ewwel.
Kuntrarjament għall-mod kif kien jopera Kurunell Dalli, li kien jikkonsulta mal-persunal qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet sensittivi, l-amministrazzjoni preżenti qed tinforma lill-uffiċjali permezz ta’ email biss. Dan qed joħloq tensjoni fost uffiċjali u maġġuri li jsibu ruħhom trasferiti fi żmien jumejn, b’impatt dirett fuq il-ħajja personali tagħhom.
Din il-mossa qed issir f’kuntest fejn, fl-aħħar xhur, daħlu fil-ħabs numru ta’ reserve correctional officers fuq bażi part-time sabiex jgħinu lill-uffiċjali eżistenti. Dawn ġew reklutati biex itaffu n-nuqqas ta’ riżorsi umani u jassistu fix-xogħol operattiv ta’ kuljum.
Sorsi infurmati kkonfermaw li nqalgħet tensjoni bejn l-Armed Forces of Malta (AFM) u l-Malta Correctional Services Agency dwar l-istatus ta’ dawn ir-riżervisti. Il-kwistjoni prinċipali hija li, billi dawn ġejjin mill-armata, ma jistgħux jilbsu żewġ uniformijiet ta’ korpi dixxiplinati fl-istess ħin. Allegatament, il-pożizzjoni tal-Brigadier tal-AFM hija waħda soda kontra din il-prattika.
Għaldaqstant, għal perjodu riċenti dawn ir-riżervisti ġew sospiżi milli jaħdmu fil-ħabs sakemm tinstab soluzzjoni amministrattiva. Dawn kienu ġew formalment reklutati mal-aġenzija korrettiva u ngħataw poteri eżekuttivi, inkluż l-użu tal-manetti u pepper spray, filwaqt li kienu jilbsu l-uniformi tal-uffiċjali tal-ħabs.
Skont informazzjoni li għandna, dawn il-part-timers issa qed jaħdmu prinċipalment f’uffiċini u f’funzjonijiet amministrattivi. Dan wassal biex uffiċjali korrettivi regolari reġgħu ntefgħu lura f’xogħol operattiv ta’ kuljum, bħal skorti u superviżjoni diretta tal-priġunieri.
Ir-riżervisti, li ma kinux daħlu għal dawn ir-rwoli, allegatament iħossuhom traduti. Ingħataw ukoll ordni biex ma jibqgħux jilbsu l-uniformi tal-ħabs, u b’hekk is-sitwazzjoni spiċċat lura għall-bidu, fejn l-uffiċjali regolari reġgħu sabu ruħhom mingħajr biżżejjed għajnuna biex jieħdu mistrieħ jew rest duty.
Dan ifisser li uffiċjali korrettivi jistgħu jitneħħew minn xogħol amministrattiv jew minn rwoli oħra li jistgħu jwettqu r-riżervisti, bħax-xogħol fil-kċina, stores, tuck shop, gate house u control room.
Il-mistoqsija li qed tqum issa hija jekk dawn it-trasferimenti frekwenti u l-integrazzjoni mgħaġġla ta’ persunal part-time humiex parti minn ristrutturar ippjanat jew reazzjoni immedjata għal pressjoni interna. Hemm ukoll tħassib dwar il-livell ta’ taħriġ u l-katina ta’ kmand, speċjalment meta persunal li sa ftit ilu kien taħt dixxiplina militari issa qed jopera taħt struttura korrettiva b’poteri sensittivi.
L-iżviluppi jindikaw li s-sitwazzjoni tibqa’ dinamika u potenzjalment delikata. Uffiċjali qed jesprimu rabja dejjem tikber, filwaqt li jallegaw li l-Ministeru mhux qed jisma’ l-ilmenti dwar diffikultajiet operattivi, dewmien fil-promozzjonijiet, nuqqas ta’ persunal, il-midalja tas-servizz twil, u sejħiet sabiex il-ħabs jerġa’ jkun immexxi minn uffiċjal korrettiv u mhux minn persuni esterni, inkluż f’sezzjonijiet bħad-diviżjoni tan-nisa u t-tfal.
