Il-Ġustizzja Soċjali

Minn Osservatur Politiku

Il-ġustizzja soċjali m’għandhiex tkun sempliċiment frażi sabiħa li biha nżejnu d-diskorsi politiċi f’xi okkażjoni speċjali. Ma tistax tibqa’ kelma li tinstema’ tajba waqt ċerimonji jew f’manifesti elettorali, iżda mbagħad tisparixxi meta jiġu biex jittieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli. Il-ġustizzja soċjali hija l-polz ta’ nazzjon. Hija l-kejl reali ta’ kemm pajjiż hu tassew b’saħħtu, mhux biss ekonomikament, iżda wkoll moralment u umanament.

Meta nitkellmu dwar ġustizzja soċjali, qed nitkellmu dwar soċjeta’ fejn kull persuna għandha opportunità ġusta li tgħix b’dinjita’. Qed nitkellmu dwar sistema li ma tħallix lil min hu vulnerabbli jaqa’ bejn il-ħitan tal-indifferenza. Qed nitkellmu dwar ekonomija li ma toħloqx biss ġid fuq il-karta, iżda li tqassam il-frott tagħha b’mod ġust u sostenibbli. Jekk dawn l-elementi ma jkunux preżenti, allura kull referenza għall-ġustizzja soċjali tibqa’ vojta.

Il-polz ta’ nazzjon jinħass l-aktar f’kif jittratta lil dawk li għandhom l-inqas saħħa jew influwenza. Pajjiż jista’ jiftaħar b’rati ta’ tkabbir għoljin jew b’investiment barrani rekord, iżda jekk hemm familji li qed ibatu biex iħallsu l-kera, anzjani li jgħixu fis-solitudni u żgħażagħ li ma jarawx futur ċar, hemm xi ħaġa fundamentali li mhix qed taħdem. Il-ġustizzja soċjali ma tistax tkun separata mill-ħajja ta’ kuljum tan-nies; trid tkun parti integrali mill-politika ekonomika, mill-edukazzjoni, mis-saħħa u mill-ippjanar urban.

Wieħed mill-ikbar theddid għall-ġustizzja soċjali huwa l-inugwaljanza dejjem tikber. Meta d-distakk bejn min għandu ħafna u min għandu ftit jinfirex b’mod eċċessiv, il-koeżjoni soċjali tibda tiddgħajjef. In-nies jibdew iħossuhom esklużi mis-sistema, u dan jista’ jwassal għal frustrazzjoni u sfiduċja. Il-ġustizzja soċjali titlob politiki li jindirizzaw dan id-distakk, mhux biss permezz ta’ għajnuna temporanja, iżda permezz ta’ opportunitajiet reali għal mobilita’ soċjali u tkabbir personali.

L-edukazzjoni hija wieħed mill-aktar strumenti qawwija biex tissaħħaħ il-ġustizzja soċjali. Sistema edukattiva li tagħti l-istess ċans lil kull tifel u tifla, irrispettivament mill-isfond soċjali jew ekonomiku tagħhom, hija pedament ta’ soċjeta’ ġusta. Meta l-kwalita’ tal-edukazzjoni tiddependi fuq il-kapaċita’ finanzjarja tal-familja, inkunu qed noħolqu ċirku vizzjuż ta’ privileġġ u esklużjoni. Investiment serju u fit-tul fl-edukazzjoni pubblika huwa, għalhekk, investiment dirett fil-ġustizzja soċjali.

Is-suq tax-xogħol huwa qasam ieħor fejn il-ġustizzja soċjali trid tkun aktar minn kelma. Xogħol b’kundizzjonijiet ġusti, pagi diċenti u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol huma essenzjali biex in-nies jgħixu b’dinjita’. Meta l-prekarjeta’ ssir norma u l-ħaddiema jitqiesu biss bħala numri, il-ġustizzja soċjali tiġi mhedda. Ekonomija b’saħħitha mhijiex biss waħda li toħloq impjiegi, iżda waħda li toħloq impjiegi ta’ kwalita’.

Il-ġustizzja soċjali tmiss ukoll il-qasam tas-saħħa. Aċċess universali għal kura tas-saħħa ta’ kwalita’ mhuwiex privileġġ, iżda dritt fundamentali. Meta l-kura tas-saħħa ssir diffiċli jew għalja għal xi wħud, inkunu qed naqsmu s-soċjeta’ f’żewġ realtajiet differenti. Sistema li taħdem għall-ġid ta’ kulħadd hija indikazzjoni ċara ta’ kemm il-pajjiż hu impenjat lejn il-ġustizzja.

Ma nistgħux ninjoraw lanqas il-kwistjoni tal-akkomodazzjoni. F’kuntest fejn il-prezzijiet tal-proprjeta’ u tal-kera qed jogħlew, ħafna familji u żgħażagħ qed isibuha diffiċli biex jassiguraw dar stabbli. Il-ġustizzja soċjali titlob politiki li jiżguraw li d-dritt għal akkomodazzjoni adegwata ma jkunx biss privileġġ għal min għandu mezzi finanzjarji sostanzjali. Dar mhijiex lussu, iżda bażi għall-istabbilta’ u għall-benesseri.

Il-ġustizzja soċjali hija wkoll marbuta mal-mod kif jiġu trattati l-minoranzi u l-komunitajiet vulnerabbli. Soċjeta’ ġusta hija waħda li tirrispetta d-diversita’ u li tiżgura li kulħadd ikollu vuċi. Diskriminazzjoni, kemm jekk fuq bażi ta’ ġeneru, oriġini, diżabilita’ jew fatturi oħra, hija kontradizzjoni diretta tal-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Il-liġijiet huma importanti, iżda daqstant ieħor hija l-kultura ta’ rispett u inklużjoni.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġustizzja soċjali hija kwistjoni ta’ valuri. Hija riflessjoni ta’ x’tip ta’ soċjeta’ rridu nkunu. Jekk inħarsu lejha bħala slogan, nibqgħu naħlu opportunita’ li nibnu pajjiż aktar ġust u aktar magħqud. Imma jekk nikkunsidrawha bħala l-polz tan-nazzjon, bħala l-indikatur ewlieni tas-saħħa kollettiva tagħna, allura rridu nkunu lesti nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u kultant diffiċli biex inħarsuha.

Il-ġustizzja soċjali ma titwettaqx f’ġurnata u lanqas b’miżura waħda. Hija proċess kontinwu li jitlob impenn mill-gvern, mill-istituzzjonijiet u miċ-ċittadini. Hija sejħa biex il-politika tkun aktar umana, biex l-ekonomija tkun aktar inklużiva u biex is-soċjeta’ tkun aktar solidali. Meta dan iseħħ, il-ġustizzja soċjali ma tibqax frażi sabiħa, iżda ssir realta’ ħajja li tħabbat fil-qalb tal-pajjiż kollu.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading