In-Nies Qed Jiddeċidu Kif Jivvutaw fis-Skiet ta’ Darhom

Minn Osservatur Politiku
F’kull kampanja elettorali naraw xeni familjari: rallies kbar, diskorsi mimlija enerġija, bandalori u messaġġi li jispikkaw, u partitarji li juru l-lealta’ tagħhom b’entużjażmu kbir. Dawn huma l-mumenti li jiġbdu l-attenzjoni, li jimlew l-iskrins u li joħolqu sens ta’ momentum. Madankollu, kif jiġri spiss, ir-riżultat veru ta’ elezzjoni ma jiġix deċiż f’dawn il-mumenti spettakolari, iżda f’postijiet ħafna aktar kwieti—fid-djar tan-nies, fil-konversazzjonijiet bejn familji u ħbieb, u fil-ħsieb personali ta’ votanti li janalizzaw, iqabblu u fl-aħħar jagħżlu.
Din il-verita’ fundamentali hija waħda li ħafna drabi tintesa jew tiġi sottovalutata. Il-politika moderna, speċjalment f’era ta’ midja soċjali u komunikazzjoni immedjata, tħeġġeġ lill-partiti jiffokaw fuq il-viżibilita’ u l-impatt immedjat. Ritratti ta’ folol kbar, messaġġi qosra u qawwija, u kampanji mmirati biex joħolqu reazzjoni immedjata huma kollha parti minn strateġija li tfittex li tiddomina n-narrattiva pubblika. Iżda dan kollu mhux dejjem jirrifletti kif il-votanti jiddeċiedu verament.
Fil-fatt, hemm segment importanti tal-elettorat li ma jkunx impressjonat mill-ispettaklu. Dawn huma votanti li jieħdu deċiżjoni b’aktar riflessjoni, li jħarsu lejn il-politika b’għajnejn kritiċi u li jfittxu sustanza aktar milli emozzjoni. Ħafna drabi dawn ikunu l-hekk imsejħa “floating voters”—dawk li mhumiex marbuta b’mod qawwi ma’ partit wieħed u li huma l-aktar miftuħa għal argumenti ġodda.
Huwa proprju dan il-grupp li jista’ jagħmel id-differenza f’elezzjoni. Filwaqt li l-partitarji leali huma importanti għall-mobilizzazzjoni u għall-enerġija tal-kampanja, huma rari jbiddlu l-vot tagħhom. Min-naħa l-oħra, votanti indeċiżi jew moderati huma dawk li jistgħu jċaqalqu l-bilanċ. U dawn huma l-votanti li aktarx ma jattendux rallies kbar jew ma jidhrux f’laqgħat partiġġjani.
Minflok, dawn jifformaw l-opinjoni tagħhom f’kuntesti aktar intimi. Jisimgħu diskussjonijiet, jaqraw analiżi, jikkunsidraw l-esperjenzi tagħhom stess u jqabblu l-proposti tal-partiti. Huma votanti li jistaqsu mistoqsijiet diffiċli: Min għandu l-aktar pjan kredibbli? Min jista’ joffri stabbilta’? Min qed jitkellem b’mod onest dwar l-isfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż?
Dan ifisser li, minkejja l-importanza tal-kampanja viżibbli, hemm livell ieħor ta’ politika li huwa aktar profond u forsi aktar determinanti. Huwa livell li jitlob serjeta’, konsistenza u kredibbilta’. Hawnhekk, slogans u spettaklu għandhom limitu. Dak li jgħodd huwa kemm il-messaġġi huma sostnuti minn fatti u kemm il-wegħdi huma realistici.
F’dan il-kuntest, il-partiti politiċi jridu jagħmlu bilanċ diffiċli. Min-naħa waħda, għandhom bżonn jiġbdu l-attenzjoni u jimmobilizzaw l-appoġġ. Min-naħa l-oħra, għandhom jindirizzaw lill-votanti li qed ifittxu risposti serji u soluzzjonijiet konkreti. Kampanja li tiffoka biss fuq l-ispettaklu tirriskja li titlef il-fiduċja ta’ dawk li jħarsu lil hinn minnu.
Importanti wkoll li nifhmu li dawn il-votanti “kwieti” mhux bilfors huma passivi. Għall-kuntrarju, huma attivi fil-mod kif jipproċessaw l-informazzjoni. Huma jsegwu dak li qed jiġri, janalizzaw u jifformaw opinjoni b’mod indipendenti.
F’ħafna każijiet, huma wkoll influwenti fiċ-ċrieki tagħhom—fil-familja, fuq il-post tax-xogħol jew fost il-ħbieb.
Il-midja soċjali żiedet dimensjoni ġdida għal dan il-fenomenu. Filwaqt li ħafna drabi tintuża biex tippromwovi messaġġi sempliċi u emozzjonali, hija wkoll spazju fejn jinqasmu opinjonijiet, analiżi u informazzjoni aktar dettaljata. Għal votanti li qed ifittxu sustanza, dan jista’ jkun sors importanti ta’ għarfien, iżda wkoll ta’ konfużjoni, peress li mhux l-informazzjoni kollha hija affidabbli.
Għalhekk, il-kwalita’ tad-dibattitu pubbliku ssir kruċjali. Meta l-politika tinbidel f’kompetizzjoni ta’ min jgħajjat l-aktar jew min jagħmel l-aktar spettaklu, jintilef spazju importanti għal diskussjoni serja. Dan jista’ jiskoraġġixxi lil votanti li qed ifittxu aktar minn sempliċi slogans.
Min-naħa l-oħra, kampanja li tipprova tgħolli l-livell tad-diskussjoni tista’ tilħaq lil dawn il-votanti b’mod aktar effettiv. Dan ma jfissirx li trid tkun niexfa jew teknika wisq, iżda li trid tkun ibbażata fuq rispett lejn l-intelliġenza tal-elettorat. Il-votanti japprezzaw meta jiġu trattati bħala persuni kapaċi jifhmu u jevalwaw.
Hemm ukoll element ta’ fiduċja li jiġi f’dan il-proċess. Votanti li jieħdu deċiżjoni b’riflessjoni jfittxu sinjali ta’ konsistenza u integrita’. Jinnutaw meta jkun hemm diskrepanza bejn dak li jingħad u dak li jsir. Jinnutaw ukoll meta politiku jipprova jevita mistoqsijiet diffiċli jew jippreżenta soluzzjonijiet sempliċi għal problemi kumplessi.
F’dan is-sens, il-kredibbilta’ ssir fattur deċiżiv. Mhux biżżejjed li wieħed joffri proposta; trid tkun proposta li tagħmel sens u li tista’ tiġi implimentata. Mhux biżżejjed li wieħed jikkritika lill-avversarju; trid turi li inti tista’ tagħmel aħjar.
Dan huwa partikolarment rilevanti f’kuntest fejn ħafna votanti jistgħu jħossu ċertu diżillużjoni bil-politika. F’ċirkostanzi bħal dawn, il-wegħdi kbar u l-ispettaklu jistgħu saħansitra jqanqlu ċiniżmu aktar milli entużjażmu. Dak li jista’ jerġa’ jibni l-fiduċja huwa approċċ aktar awtentiku u realistiku.
L-elezzjoni mhijiex biss test ta’ min għandu l-aktar partitarji vokali, iżda ta’ min jista’ jikkonvinċi lill-maġġoranza li għandu l-aħjar viżjoni għall-pajjiż. U ħafna drabi, din il-konvinzjoni ma ssirx f’laqgħa kbira, iżda f’mument kwiet ta’ riflessjoni.
Meta votant joqgħod jaħseb dwar il-futur tiegħu u tal-familja tiegħu, huwa hemm li jittieħdu d-deċiżjonijiet li verament jgħoddu. Huwa hemm li jitqabblu l-politiki, li jitkejlu l-wegħdi u li jiġi evalwat min jistħoqqlu l-fiduċja.
Għalhekk, filwaqt li r-rallies u l-kampanja viżibbli jibqgħu parti importanti mill-proċess demokratiku, ma għandhomx jitqiesu bħala l-uniku indikatur tas-suċċess. Il-veru battalja elettorali tiġi miġġielda f’livell aktar profond u aktar personali.
Dan għandu jkun messaġġ ċar għal kull min huwa involut fil-politika: jekk trid tirbaħ elezzjoni, trid tirbaħ il-fiduċja ta’ dawk li ma jidhru xejn. Trid tilħaq lil dawk li qed jisimgħu, jaħsbu u jiddeċiedu b’mod indipendenti.
U forsi l-aktar lezzjoni importanti hija din: f’demokrazija, il-kwiet ħafna drabi jitkellem aktar mill-istorbju. Għax huma dawk il-vuċijiet kwieti li, fl-aħħar mill-aħħar, jiddeċiedu d-direzzjoni tal-pajjiż.
