Il-Media Soċjali u l-Cancel Culture

Minn Osservatur Politiku

Kien hemm żmien meta diffiċli timmaġina x’kien se jkun l-impatt tal-midja soċjali fuq is-soċjetajiet tagħna. Meta bdew jidhru l-ewwel pjattaformi, kienu ppreżentati bħala għodod ta’ konnessjoni, komunikazzjoni u liberta’. Illum, aktar minn għoxrin sena wara, sar ċar kemm l-effett li nkunu kontinwament ‘imqabbda’ mal-ħajja ta’ ħaddieħor ġab miegħu konsegwenzi li ftit li xejn konna antiċipajna.

Il-midja soċjali bidlet il-mod kif nikkomunikaw, kif nikkunsmaw l-informazzjoni u kif nibnu r-relazzjonijiet. Iżda flimkien ma’ dawn il-bidliet ġiet ukoll kultura ta’ paraguni kontinwi, pressjoni soċjali inviżibbli u sens ta’ nuqqas li diffiċli tinjorah. Meta kuljum inkunu esposti għal ritratti ta’ suċċess, vaganzi perfetti, relazzjonijiet ideali u karrieri li jidhru bla difetti, ma ddumx ma tibda tħoss li l-ħajja tiegħek qatt ma tilħaq dak il-livell.

Din il-kultura ta’ ‘highlight reel’ – fejn kulħadd juri biss l-aħjar mumenti tiegħu – toħloq illużjoni ta’ perfezzjoni universali. Il-problemi, il-fallimenti u l-mumenti diffiċli rari jidhru. Ir-riżultat huwa soċjeta’ fejn ħafna nies qed iġorru piż ta’ inadegwatezza u ansjeta’, anke meta fuq barra kollox jidher normali. L-istudji dwar is-saħħa mentali, speċjalment fost iż-żgħażagħ, juru żieda fl-ansjeta’, fid-depressjoni u fis-sens ta’ solitudni – fenomenu paradossali fi żmien ta’ konnessjoni bla preċedent.

Imma l-ħsara mhijiex biss individwali, hija wkoll kollettiva. Il-midja soċjali bidlet il-mod kif jiffurmaw ruħhom l-opinjonijiet pubbliċi. Algoritmi li jippremjaw kontenut emozzjonali, kontroversjali jew polarizzanti qed joħolqu spazju fejn il-kunflitt jattira aktar attenzjoni mill-kalma. Dan wassal għal diskors pubbliku aktar aggressiv, aktar mgħaġġel u inqas riflessiv. Id-djalogu ċivili spiss jispiċċa mgħotti minn kummenti istantanji u ġudizzji bla filtru.

Il-fenomenu tal-‘cancel culture’, il-mibegħda online u t-tixrid ta’ informazzjoni falza huma sintomi ta’ ambjent fejn il-veloċita’ tieħu post il-verifika u l-emozzjoni tieħu post ir-raġuni. Meta kulħadd jista’ jkun editur, ġurnalist u kritiku fl-istess ħin, il-linja bejn opinjoni u fatt issir dejjem aktar mċajpra. Dan għandu konsegwenzi serji għal demokrazija b’saħħitha, li tiddependi fuq informazzjoni affidabbli u dibattitu matur.

Aspett ieħor li ma jistax jiġi injorat huwa l-impatt fuq il-privatezza. Il-ħajja personali saret kontenut. Avvenimenti li darba kienu intimi issa jinqasmu ma’ segwaċi, xi kultant bla ma nintebħu bil-prezz li qed inħallsu. Id-dejta personali saret komodita’, u ħafna minna aċċettajna li nkunu parti minn sistema li tissorvelja, tanalizza u timmonetizza kull klik u interazzjoni tagħna.

Għal ħafna nies, il-linja bejn il-ħajja reali u dik virtwali saret diffiċli biex tinżamm. Il-ħtieġa li tkun dejjem disponibbli, li tirrispondi minnufih u li żżomm preżenza online kontinwa toħloq pressjoni ġdida li ma teżistix f’relazzjonijiet tradizzjonali. Il-ħin liberu, li darba kien spazju ta’ mistrieħ u riflessjoni, issa ħafna drabi jimtela b’scroll bla waqfien.
Dan ma jfissirx li l-midja soċjali hija intrinsikament ħażina.

Hija għodda li, bħal kull għodda oħra, tista’ tintuża għall-ġid jew għall-ħsara. Tat vuċi lil min qabel ma kellux, għaqqdet komunitajiet u ffaċilitat mobilizzazzjoni għal kawżi ġusti. Iżda l-kwistjoni hija l-bilanċ u l-kuxjenza. Meta l-użu jsir dipendenza, u meta l-identita’ tagħna tibda tiddependi fuq ‘likes’ u ‘followers’, allura hemm lok għal riflessjoni serja.
Il-ġenituri, l-edukaturi u dawk li jfasslu l-politika għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest. L-edukazzjoni diġitali m’għandhiex tkun limitata għal kif tuża pjattaforma, iżda għandha tinkludi wkoll kif tifhem l-impatt psikoloġiku tagħha, kif tivverifika l-informazzjoni u kif tipproteġi l-privatezza tiegħek. L-għarfien huwa l-ewwel pass lejn użu aktar responsabbli.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija li rridu nistaqsu hija: aħna qed nużaw il-midja soċjali, jew hija qed tużana? F’dinja fejn kollox jidher li jseħħ fuq skrin, hemm bżonn nerġgħu niskopru l-valur tal-preżenza reali, tal-konversazzjonijiet wiċċ imb wiċċ u tal-mumenti li ma jiġux dokumentati. Il-ħajja vera ma tiġix f’format ta’ feed, u l-valur tagħna ma jistax jitkejjel f’numru ta’ segwaċi.

Aktar minn għoxrin sena wara l-bidu ta’ din ir-rivoluzzjoni diġitali, wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-konsegwenzi b’maturita’. Il-midja soċjali hija parti mill-ħajja tagħna u x’aktarx tibqa’ hekk. Iżda jekk irridu soċjeta’ aktar sana u aktar bilanċjata, irridu nitgħallmu niddixxiplinaw l-użu tagħha, mhux inħalluha tiddixxiplina lilna.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading