Meta Tipprova Tħassar l-Istorja: Ir-Realtà tal-Ħabs Illum
Bħalissa qed issir pressjoni interna biex il-kuntratt tad-direttur attwali tal-Ħabs jiġi mġedded, peress li dan skada. Din il-pressjoni qed issir minkejja li l-impjegati tal-Ħabs, inkluż persuni pajżana li tkellmu ma’ dan is-sit, mhumiex kuntenti xejn bit-tmexxija tad-direttur attwali. Tajjeb jingħad ukoll li l-Ministeru jixtieq li l-COO jieħu post id-direttur attwali, iżda minn Kastilja hemm ix-xewqa li jibqa’ jinżamm is-CEO preżenti.
Bħalissa, l-amministrazzjoni tal-Ħabs għaddejja b’kampanja sistematika biex kull ħaġa li għamel il-Kurunell Dalli u li ħalliet il-marka tiegħu titneħħa. Dan għaliex din l-amministrazzjoni trid tħassar akkost ta’ kollox ismu u dak kollu li hu marbut miegħu. Qisu hemm min jemmen li jista’ jħassar l-istorja u dak kollu li wettaq Dalli. U dan qed jiġri proprju għaliex l-impjegati stess issa qed jitkellmu bil-miftuħ dwar kemm il-Ħabs kien aħjar taħt it-tmexxija tal-Kurunell Dalli. Kulħadd jgħid l-istess kelma waħda: “Kemm kien aħjar meta konna ‘agħar’.”
Ħadd ma jista’ jiċħad id-dixxiplina li kien hemm fil-Ħabs u t-tneħħija kważi totali tad-droga li seħħew taħt it-tmexxija ta’ Dalli. Ħadd ma jista’ jħassar l-istorja.
Min-naħa l-oħra, l-amministrazzjoni attwali qed tipprova tikkanċella dak kollu li għamel Dalli. Mhux biss is-sistema tiegħu, iżda anki affarijiet konkreti li wettaq hu. Fost dawn hemm il-qanpiena fis-central hall li fuqha kien hemm miktub li saret fiż-żmien meta kien direttur Dalli. Dan l-isem ġie mneħħi bi grinder minn fuq il-qanpiena. X’miżerja u kemm hi mentalità infantili li jsiru dawn il-ħmerijiet! Jiġifieri dan ifisser li jekk jinbidel il-gvern, jibdew ineħħu l-lapidi bl-ismijiet tal-Ministri li jkunu kixfuhom?
Hemm ukoll il-bidla tal-paviment tal-prison ground, li minn aħmar sar griż, bil-konsegwenzi kollha li din il-bidla ġġib magħha. Tneħħiet ukoll il-lapida bl-arma tal-Ħabs minn ġewwa l-prison ground, quddiem il-bandiera Maltija, u tqiegħdet barra fit-triq, fost affarijiet oħra. L-importanti għalihom hu li jippruvaw iħassru l-istorja u l-ġid li għamel il-Kurunell Alex Dalli.

Dawn il-bidliet kożmetiċi qed isiru biex tingħata l-impressjoni li meta tidħol il-Ħabs qed issib “ġenna tal-art”, bil-fjuri, siġar u dehra aktar sabiħa. Insomma, strateġija baxxa u qarrieqa.
Madankollu, kif dejjem jingħad, kollox qed isir biex il-priġunier kriminal jitpoġġa fl-ewwel post, filwaqt li l-ħaddiema pajżana u l-uffiċjali korrettivi qishom ma jeżistux.
Fatt ieħor hu li dawk l-uffiċjali li kienu strumentali biex, flimkien ma’ Dalli, inaddfu l-Ħabs mid-droga u ddaħħlet id-dixxiplina, illum il-ġurnata qed ikunu iżolati minn din l-amministrazzjoni għas-sempliċi fatt li, skont l-amministrazzjoni preżenti, huma assoċjati ma’ Dalli u għalhekk ma jiġux fdati.
Ħaġa li qed iddejjaq immens lid-direttur preżenti hi li meta xi ħadd jikkompara x-xogħol li sar fi żmien Dalli ma’ dak li sar fl-aħħar tliet snin, jidher biċ-ċar li l-Ħabs mar lura, speċjalment fejn jidħlu l-professjonisti, bil-fatt li qed ikun hemm riżenji frekwenti minn dan id-dipartiment.
Quddiem din is-sitwazzjoni, hemm biża’ ta’ riperkussjonijiet politiċi, għaliex it-tgergir issa hu kbir fost l-istess ħaddiema tal-Ħabs. Il-ħaddiema tal-ħabs ddejqu jmorru l-Ministeru u jsibu l-bieb magħluq. Iddejqu wkoll ikellmu lil kulħadd f’Kastilja u ħadd ma jagħti każ tagħhom. “Aħna mdejqin u mxebbħin sal-ponta ta’ mnieħirna” qalet persuna li taħdem il-ħabs li dan is-sit.
“Fl-aħħar mill-aħħar, ma ninsew qatt il-pressjoni li saret minn ċerti pampaluni tal-midja li għamlu minn kollox biex ‘itajru’ lil Dalli u wassluna f’din is-sitwazzjoni li qegħdin fiha llum. U llum il-gvern tagħna qed jinjorana kontinwament u mhux qed jagħtina l-għajnuna li għandna bżonn” temm jgħidilna dan il-ħaddiem tal-ħabs.
