L-Inklużjoni Soċjali u l-Edukazzjoni

Minn Osservatur Politiku

Soċjeta’ b’saħħitha mhijiex waħda fejn kulħadd huwa l-istess, iżda waħda fejn kulħadd għandu post, vuċi u opportunita’. Aktar ma nippruvaw niġġieldu l-esklużjoni u naħdmu b’mod konkret għall-inklużjoni soċjali, aktar ikun hemm armonija bejn il-livelli kollha tas-soċjeta’. Din mhijiex biss idea idealistika imma hija realta’ li tidher fejn il-politika, l-edukazzjoni u l-komunitajiet jagħmlu għażla konxja favur il-ġustizzja u d-dinjita’.

L-esklużjoni tieħu ħafna forom. Tista’ tkun ekonomika, meta persuni jew familji jitħallew barra mill-opportunitajiet minħabba faqar jew nuqqas ta’ aċċess għal riżorsi. Tista’ tkun soċjali, meta gruppi jitwarrbu minħabba l-oriġini, il-lingwa, id-diżabilita’ jew l-eta’. U tista’ tkun kulturali, meta n-nies iħossuhom mhux milqugħa jew mhux rappreżentati fl-ispazji komuni. Dawn il-forom kollha ta’ esklużjoni, jekk jitħallew jikbru, joħolqu tensjonijiet li idgħajfu l-armonija soċjali.

L-inklużjoni soċjali mhijiex sempliċement att ta’ solidarjeta’ lejn min hu vulnerabbli. Hija investiment fis-soċjeta’ kollha. Meta n-nies iħossuhom parti minn komunita’, ikunu aktar lesti jikkontribwixxu, jirrispettaw lil xulxin u jaħdmu flimkien għall-ġid komuni. Sens ta’ appartenenza jnaqqas ir-rabja, il-frustrazzjoni u l-aljenazzjoni, li ħafna drabi jkunu l-għeruq tal-kunflitti soċjali.

Esperienza pożittivi ta’ inklużjoni juru li meta l-politiċi jindirizzaw il-bżonnijiet reali tan-nies, l-armonija ma tibqax kunċett astratt. Komunitajiet li jinvestu fl-edukazzjoni inklussiva, fis-servizzi tas-saħħa mentali u fl-aċċess għall-impjiegi jaraw tnaqqis fit-tensjonijiet u żieda fil-fiduċja reċiproka.

L-iskola hija wieħed mill-aktar spazji importanti fejn l-inklużjoni tista’ tinbena mill-bidu. Klassijiet li jilqgħu d-diversita’ u li jippromwovu rispett u empatija joħolqu ġenerazzjonijiet aktar miftuħa u konxji. Meta t-tfal jitgħallmu minn eta’ żgħira li d-differenzi mhumiex theddida, iżda opportunita’, ikunu qed jitħejjew biex jgħixu f’soċjeta’ aktar armonjuża.

Dan ifisser li s-sistema edukattiva trid tkun mgħammra b’għalliema mħarrġa, riżorsi adegwati u programmi li jindirizzaw b’mod konkret il-ħtiġijiet ta’ studenti minn sfondi differenti. L-inklużjoni fl-edukazzjoni mhijiex għajnuna lil minoranza biss, iżda investiment fil-futur kollettiv.

L-inklużjoni ma tistax tkun responsabbilta’ tal-istat biss. Il-komunitajiet lokali, l-għaqdiet volontarji u l-istituzzjonijiet reliġjużi u kulturali għandhom rwol kruċjali biex joħolqu spazji ta’ laqgħa u djalogu. Meta n-nies jiltaqgħu, jitkellmu u jaħdmu flimkien, il-biża’ u l-preġudizzju jonqsu.

Inizjattivi li jippromwovu l-volontarjat, l-isport u l-attivitajiet kulturali huma għodod qawwija biex jinbnew pontijiet bejn gruppi differenti. Dawn l-esperjenzi juru li, minkejja d-differenzi, hemm ħafna iktar affarijiet li jgħaqqduna milli jifirduna.

L-esklużjoni ekonomika hija waħda mill-aktar forom perikolużi ta’ esklużjoni, għax tħalli impatt fuq kull aspett tal-ħajja. Politika li tippromwovi xogħol diċenti, pagi ġusti u aċċess għal taħriġ u edukazzjoni kontinwa hija essenzjali biex jinħolqu opportunitajiet reali għal kulħadd.

Meta l-ekonomija tkun inklussiva, l-armonija soċjali tissaħħaħ. Nies li jaraw futur għalihom infushom u għall-familji tagħhom ikunu aktar impenjati li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għas-soċjeta’.
L-armonija soċjali ma tiġix b’kumbinazzjoni imma tinbena b’għażliet konxji u b’ħidma kontinwa. Aktar ma niġġieldu l-esklużjoni u naħdmu għall-inklużjoni soċjali, aktar inkunu qed nibnu soċjeta’ ġusta, stabbli u magħquda.

L-inklużjoni mhijiex konċessjoni, iżda dritt. U meta d-drittijiet jiġu rispettati, il-koeżjoni soċjali tikber. Fl-aħħar mill-aħħar, soċjeta’ li ma tħalli lil ħadd barra hija soċjeta’ li timxi ’l quddiem flimkien, b’armonija u rispett reċiproku.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading