Prosit lill-Uffiċjali Korrettivi li Waqqfu Milli Tidħol id-Droga u Oġġetti Oħra Pprojbiti Ġewwa l-Ħabs

Jidher li dawn l-artikli f’dan il-blog dwar il-ħabs qed iħallu effett pożittiv, għax qed jagħtu kuraġġ lill-uffiċjali biex jiġġieldu b’aktar determinazzjoni d-dħul tad-droga fil-ħabs. Dan is-sit jinsab infurmat li lbieraħ kienet tinħass riħa qawwija ta’ ħaxixa fl-inħawi fejn jinsabu l-iscanners u l-medical room, u dan wassal biex immedjatament bdiet investigazzjoni.
Dan is-sit ilu jgħid li l-problema tad-droga qed terġa’ tirfes u tgħolli rasha fil-ħabs. Madankollu, jidher li d-dixxiplina qed terġa’ tiddaħħal u li l-uffiċjali korrettivi qed jingħataw aktar widen u appoġġ biex iwaqqfu d-dħul tad-droga fil-ħabs. Dan wassal biex ilbieraħ inqabdet droga u anki miżien li kien ser jintuża fil-bejgħ tagħha fil-ħabs.
Dan huwa żvilupp pożittiv. L-uniku skop ta’ dawn l-artikli huwa li jinħoloq ambjent fil-ħabs fejn min irid jgħix b’dinjità u jirriforma ruħu waqt li jkun qed iservi s-sentenza tiegħu jkun jista’ jagħmel dan, u mhux li l-ħabs jitmexxa mill-bullies jew minn min għandu interess dirett fil-bejgħ u t-tixrid tad-droga ġewwa l-Ħabs.
