Investigazzjoni: Il-Ħabs jerġa’ jintela’ b’oġġetti projbiti – uffiċjali korrettivi jibżgħu għas-sigurtà tagħhom

Kien dan il-blog li ħareġ b’mod esklussiv dwar dak li ġara fil-ħabs f’dawn l-aħħar jiem. Dak li ġara, jiġifieri, il-fatt li nstabet ċavetta li kienet masterkey u oġġetti fiċ-ċelel li mhux suppost kienu hemm qajjem tħassib serju dwar dak li verament qed jiġri bejn il-ħitan tal-Ħabs.
Dawn il-fatti jorbut ma’ rivelazzjonijiet oħra li qed jerġgħu jorbtu lill-ħabs ma’ netwerks ta’ traffikar ta’ oġġetti illegali u projbiti. Skont informazzjoni li waslet għandna, l-uffiċjali korrettivi jinsabu profondament imħassba għas-sigurtà personali tagħhom stess. Ma nafux kif il-ħaddiema ċivili li jaħdmu fil-Ħabs iħossuhom trankwilli, meta l-ewwel kuntatt dejjem ikun l-uffiċjal korrettiv. Dan kollu jqajjem tħassib serju dwar kif l-intelligence unit qed titmexxa minn persuni li ħafna jqisuhom bħala prime donne.
Dan kollu qed iseħħ wara perjodu fejn, skont ħafna, il-Ħabs kien ġie “mnaddaf”. Dak iż-żmien kien ikkaratterizzat minn kontroll aktar strett, dixxiplina interna u messaġġ ċar li l-abbużi u l-kuntrabandu ma kinux se jiġu ttollerati. Iżda sorsi interni qed jgħidu li taħt l-amministrazzjoni attwali, is-sitwazzjoni reġgħet marret lura, u b’mod allarmanti.
Fil-fatt, waqt tfittxija li saret reċentement – li ħareġ dan il-blog u wkoll mezzi oħra tal-midja permezz ta’ telefonata minn priġunier – ġiet skoperta sikkina kbira flimkien ma’ diversi oġġetti oħra li huma strettament projbiti u oħrajn illegali fi struttura korrettiva. Anke l-priġunieri raw dan il-feature u tkażaw. Madankollu, dak li qed iqajjem aktar mistoqsijiet huwa l-fatt li din it-tfittxija kienet limitata għal parti żgħira biss tal-Ħabs. Dan iħalli lok għal dubju serju: jekk f’żona daqshekk ristretta nstabu dawn l-affarijiet, x’jista’ jkun hemm fiċ-ċelel u fis-sezzjonijiet l-oħra, jew f’żoni li qatt ma ġew spezzjonati?
Aktar minn hekk, skont sorsi li tkellmu magħna, l-oġġetti li nstabu qed jinżammu mitluqin f’gaġġa kbira, viżibbli għal kulħadd, mingħajr ma jidher li ttieħdu passi konkreti: l-ebda audit, l-ebda rapport, u l-ebda azzjoni dixxiplinarja magħrufa. Lanqas ma jidher li nfetħet xi tip ta’ inkjesta jew proċedura oħra. Kollox donnu waqaf hemm, bħallikieku s-sejba nnifisha ma kellhiex konsegwenzi.
Din is-sitwazzjoni qed tħalli lill-uffiċjali korrettivi jħossuhom abbandunati u esposti. Kif jistgħu jagħmlu xogħolhom b’serħan il-moħħ meta armi u oġġetti perikolużi jidħlu u joħorġu mingħajr kontroll? Min qed jerfa’ r-responsabbiltà? U għaliex ma sarx kont sħiħ ta’ kif dawn l-affarijiet spiċċaw għand il-priġunieri?
Il-mistoqsijiet qed jiżdiedu, iżda t-tweġibiet għadhom nieqsa. F’istituzzjoni fejn is-sigurtà għandha tkun prijorità assoluta kemm għall-impjegati kif ukoll għall-persuni miżmuma, is-skiet u n-nuqqas ta’ trasparenza huma ta’ tħassib kbir. Bħalissa, l-amministrazzjoni tidher aktar moħħha min se jieħu s-siġġu tal-poter milli mid-dixxiplina u milli tiżgura l-ordni, biex tkompli tikkuntenta lill-priġunieri.
X’mistħija. U aktar minn hekk, x’riskju bla bżonn. Il-pubbliku għandu d-dritt ikun jaf x’inhu jiġri verament fil-ħabs, u jekk hemmx min qed jagħlaq għajnejh fejn m’għandux.
