Iż-Żieda tal-Istudenti Barranin fl-Iskejjel Tagħna

Minn Osservatur Politiku
Waħda mill-aktar bidliet profondi li l-iskejjel Maltin qed jesperjenzaw f’dawn l-aħħar snin hija ż-żieda sostanzjali ta’ studenti barranin. F’numru dejjem jikber ta’ skejjel statali, u anke f’ċerti skejjel tal-Knisja u privati, qed naraw klassijiet fejn in-numru ta’ studenti mhux Maltin jisboq sew dak tal-istudenti Maltin. Din ir-realta’ ma tistax tibqa’ tiġi ttrattata bħala nota fil-marġni. Hija bidla strutturali li qed tbiddel il-wiċċ tas-sistema edukattiva tagħna.
Din is-sitwazzjoni mhijiex, fiha nnifisha, problema. L-edukazzjoni dejjem kienet spazju ta’ laqgħa bejn kulturi, u ħafna tfal barranin qed jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-ħajja tal-iskola. Iżda l-problema toħroġ meta bidla ta’ din id-daqs issir mingħajr ippjanar, riżorsi adegwati u direzzjoni ċara. Hawnhekk, is-sistema qed titħalla waħedha tlaħħaq ma’ pressjoni li qed tikber b’rata mgħaġġla.
F’ċerti lokalitajiet, speċjalment dawk li raw żieda qawwija fil-popolazzjoni barranija, klassi tipika llum tista’ tinkludi studenti minn għaxar jew aktar nazzjonalitajiet differenti. Għalliema qed jiffaċċjaw realta’ fejn il-lingwa Maltija jew anke l-Ingliż ma jkunux il-lingwa komuni għal ħafna tfal, u fejn il-livelli edukattivi u kulturali jvarjaw drastikament.
Dan ifisser li l-għalliem, minflok jiffoka fuq it-tagħlim, spiss ikun qed jaġixxi bħala medjatur lingwistiku, soċjali u kulturali. Il-ħin dedikat għall-kurrikulu jonqos, u l-pressjoni fuq il-professjonisti fl-edukazzjoni tiżdied. Dan mhux falliment tal-għalliema, iżda falliment ta’ politika edukattiva li ma laħqitx ir-realta’ demografika tal-pajjiż.
F’dan il-kuntest, qed jitfaċċaw ukoll mistoqsijiet leġittimi dwar l-esperjenza tal-istudent Malti. Meta l-livell tal-klassi jitbaxxa biex jakkomoda nuqqasijiet lingwistiċi jew akkademiċi, l-istudenti li jistgħu javvanzaw aktar jispiċċaw miżmuma lura. Dan iwassal għal frustrazzjoni, nuqqas ta’ stimolu u, f’xi każijiet, telf ta’ interess fl-iskola.
Dan ma jfissirx li t-tfal barranin huma t-tort. Il-problema hija li l-istat ma ħoloqx strutturi separati jew ta’ appoġġ biżżejjed biex l-integrazzjoni ssir b’mod ġust għal kulħadd. In-nuqqas ta’ klassijiet preparatorji, għalliema speċjalizzati fil-lingwa, u servizzi psikosoċjali adegwati qed iħalli impatt dirett fuq il-kwalita’ tal-edukazzjoni.
Ħafna drabi nisimgħu lill-awtoritajiet jitkellmu fuq integrazzjoni, iżda l-kelma spiss tintuża mingħajr kontenut reali. Integrazzjoni tfisser investiment: fil-lingwa, fil-valuri komuni, fil-komunikazzjoni mal-familji u fil-ħolqien ta’ ambjent fejn kulħadd jista’ jħossu parti mis-soċjeta’.
Illum, wisq drabi, l-iskejjel qed jitħallew jassimilaw tfal barranin mingħajr l-għodda meħtieġa. Il-familji Maltin u dawk barranin mhux dejjem jingħataw l-appoġġ biex jinbena pont bejniethom. Dan jista’ jwassal għal separazzjoni informali, tensjonijiet u nuqqas ta’ sens ta’ komunita’ fl-istess skola.
Żieda kbira fl-istudenti tfisser ukoll pressjoni fuq l-infrastruttura: klassijiet iffullati, nuqqas ta’ spazji, u servizzi ta’ appoġġ li ma jilħqux id-domanda. Is-sistema edukattiva Maltija kienet diġa’ taħt pressjoni qabel din iż-żieda; illum, il-problema qed tissaħħaħ.
Jekk l-edukazzjoni hija l-pedament tas-soċjeta’ futura tagħna, allura ma nistgħux nibqgħu nittrattaw din il-kwistjoni bħala inevitabbli jew temporanja. Hija realta’ permanenti li teħtieġ viżjoni nazzjonali u mhux soluzzjonijiet improvizzati.
Dak li hu meħtieġ issa huwa dibattitu onest u politika edukattiva kuraġġuża. Dan jinkludi investiment f’għalliema addizzjonali, programmi intensivi tal-lingwa, klassijiet ta’ transizzjoni, u kooperazzjoni aħjar bejn l-iskejjel u s-servizzi soċjali. Jeħtieġ ukoll trasparenza biex in-numri, l-impatti u l-isfidi jkunu jistgħu jiġu diskussi mingħajr biża’ jew slogans.
Żieda ta’ studenti barranin fl-iskejjel Maltin hija realta’ li tirrifletti bidla usa’ fis-soċjeta’ tagħna. Din tista’ tkun opportunita’ ta’ tkabbir u arrikkiment, iżda biss jekk tkun immaniġġjata b’għaqal u responsabbilta’. Jekk le, hemm riskju reali li ndgħajfu l-kwalita’ tal-edukazzjoni għal kulħadd, kemm għall-istudent Malti kif ukoll għal dak barrani.
L-iskola għandha tkun spazju ta’ tama u progress. Biex tibqa’ hekk, il-politika trid tlaħħaq mar-realta’, mhux tibqa’ taħrab minnha.
