Il-Verita’ ma Għandix Tkun Optional fis-Soċjeta’ Tagħna

Minn Osservatur Politiku

Id-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Joe Azzopardi, li d-deputati mhumiex legalment obbligati li jgħidu l-verita’, qanqlet mistoqsijiet u dibattitu fil-pajjiż. Mhijiex biss kwistjoni legali jew teknika; hija kwistjoni fundamentali dwar x’inhi l-politika, x’inhi r-responsabbilta’ pubblika, u x’jista’ jistenna ċ-ċittadin minn dawk li ġew eletti biex jirrappreżentawh. Imma kixfet eżattament kif taħdem is-sistema legali tagħna.

Legalment, il-Kummissarju tal-Istandards għandu raġun. La ma hemm ebda liġi li tobbliga lid-deputati jgħidu l-verita’, ma jeżistix obbligu espliċitu fuq l-istess deputati li jgħidu s-sewwa. Ilna s-snin nisimgħu dwar ir-rule of law u issa xi ħadd bil-bajd kellu l-kuraġġ jgħid eżatt verament xi tfisser ir-rule of law.

Mela l-mistoqsija għandha tkun mhux kemm l-affermazzjoni tal-Kummissarju tal-Istardards hiex politikament jew moralment korretta imma kemm din tirrappreżenta s-sistema tal-ħaqq f’pajjiżna.

L-issue vera hawn hija jekk ir-rule of law li tant ilna nisimgħu dwarha għandhiex rekwiżit bażiku biex tmexxi l-ħajja pubblika. Allura l-mistoqsija tiġi waħidha. Fuq xiex qed nibnu l-fiduċja bejn il-poplu u r-rappreżentanti tiegħu?

Il-liġi ħafna drabi tistabbilixxi l-minimu; l-etika pubblika għandha tistabbilixxi l-massimu. Imma dak li assistejna g għalih f’dan l-aħħar fejn nies mill-paladini tar-rule of law kienu dejjem jgħidulna li dawn it-tnejn huma l-istess ħaġa. Mela l-argument tal-eks-Prim Imħallef ireġi, jigifieri d- deputati mhux obbligati legalment jgħidu il-verita’ għaliex ma hemm xejn x’jorbothom bil-miktub li jgħidu s-sewwa. Dan ifisser li kemm l-istat u s-sistema ġuridika tagħna taċċetta livelli differenti ta’ verita’ u mġiba morali.

Biex wieħed jifhem sew l-argument irid jingħad li fl-awla tal-qorti ħadd ma għandu l-obbligu morali li jgħid il-verita’ sakemm ma telax fuq il-pedana tax-xhieda u ħa ġurament li jgħid il-verita’. Ma għandix dubju li ħafna avukati jigdbu meta jitkellmu favur il-klijenti tagħhom fl-awla tal-qorti. Imma ħadd qatt ma qal li dak li qed jgħamlu, meta jigdbu hu moralment ħażin. Anzi dawn illum qed isiru tajbin u ħafna darbi jintgħażlu biex isiru mħallfin u maġistrati. Is-sanżjoni morali u penali jidħlu biss fil-mument meta jittieħed il-ġurament li jgħidu s-sewwa. Hemm biss, individwu, hu min hu, f’din is-saltna tad-dritt għandu obbligu li jgħid il-verita’.

Mela dak li jgħodd fl-awli tal-qrati jgħodd għal kulħadd f’din is-soċjeta’ hekk imsejħa demokratika. Jekk xejn dan l-argument tal-eks-Prim Imħallef kixef kemm l-argumenti tar-rule of law huma perikolużi.

Hawn wieħed jista’ jargumenta li d-deputati mhumiex ċittadini privati f’dibattitu każwali. Huma persuni f’pożizzjoni ta’ poter, b’aċċess għal informazzjoni, riżorsi u pjattaforma li l-maġġoranza tal-poplu m’għandhiex. Meta dawn il-persuni jitkellmu fil-Parlament jew fil-pubbliku, kliemhom għandu piż. Jekk dan il-kliem jista’ jkun falz mingħajr konsegwenzi, il-proċess demokratiku nnifsu jiddgħajjef.

Imma dan l-argument jista’ jingħad ukoll għal qrati fejn suppost qed tkun amministrata l-ġustizzja. Sakemm wieħed mhux qieghed taħt ġurament jista’ jigdeb kemm irid fl-awla bla konsegwenzi. Jekk jinqabad, ma jkunx hemm konsegwenzi.

Infakkar li tar-rule of law jargumentaw li l-qrati huma fil-qalba tad-demokrazija: spazju fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-bażi ta’ fatti, argumenti u verita’. Jekk min jitkellem fiha ma jkunx marbut mal-verita’, l-awla tinbidel f’teatrin politiku, fejn ir-realta’ titgħawweġ skont il-konvenjenza.

Il-pubbliku diġa’ qed juri sinjali ċari ta’ għeja u sfiduċja fil-politika u fil-qrati tagħna. Dikjarazzjonijiet bħal din, anke jekk teknikament korretti, isaħħu l-perċezzjoni li l-politika u l-qrati tagħna huma logħba ta’ kliem u mhux servizz lejn il-verita’. Numru ta’ ġudikanti dawn jafuh sew u jafu li jekk illum iridu xi promozzjoni, xogħolhom mhux li jfittxu l-verita’ imma li jagħtu sentenzi li jkunu favur dawk li jgħajtu bir-rule of law. Il-problema hawn hija li meta l-fiduċja tintilef, ma terġax tinkiseb faċilment.

Hawnhekk irridu nagħmlu distinzjoni kruċjali. Hemm ħafna affarijiet li mhumiex illegali, iżda huma profondament ħżiena. Il-fatt li ma hemmx piena kriminali ma jfissirx li m’għandux ikun hemm responsabbilta’ politika jew morali.

Meta deputat jgħid ħaġa li jaf li mhix vera, ikun qed jqarraq mhux biss lill-avversarji politiċi tiegħu, iżda lill-poplu kollu. Dan għandu jkun suġġett għal sanzjoni politika, etika u istituzzjonali. Inkella, il-kodiċijiet tal-etika jsiru dokumenti vojta, u l-istandards jinżlu għal livell simboliku biss.

Meta l-Kummissarju tal-Istandards jiddikjara li d-deputati mhumiex obbligati legalment jgħidu l-verita’, il-messaġġ li wassal għand iċ-ċittadin huwa wieħed ċar li l-politika u s-sistema tal-ġustizzja tagħna għandhom regoli differenti minn dawk tal-ħajja ta’ kuljum. Li tigdeb f’ħajtek jista’ jkollu konsegwenzi soċjali jew professjonali; fil-politika u fil-qrati, (sakemm ma tkunx taħt ġurament) jidher li huwa tollerat.

Dan joħloq kultura fejn il-gideb isir għodda normali, u mhux eċċezzjoni. U meta l-gideb jiġi normalizzat, il-politika u l-qrati tagħna jitilfu kull awtorita’ morali.

Jekk irridu politika u qrati aktar serji u kredibbli, hemm bżonn ta’ bidla fil-mod kif dawn jifhmu r-responsabbilta’ pubblika. Dan ma jfissirx neċessarjament li kull dikjarazzjoni falza trid twassal għal prosekuzzjoni kriminali, iżda jfisser li għandu jkun hemm mekkaniżmi ċari ta’ kontabbilta’.

Il-Kummissjoni tal-Istandards għandha tkun mgħammra b’saħħa reali biex tiddixxiplina mġiba li tmur kontra l-verita’. Il-kodiċi tal-etika għandu jkun aktar minn lista ta’ prinċipji imma għandu jkun strument effettiv. U fuq kollox, il-partiti politiċi għandhom jieħdu responsabbilta’ diretta għall-imġiba tal-membri tagħhom.

Il-verita’ mhijiex lussu imma hija l-pedament. Jekk naċċettaw li deputati jistgħu legalment ma jgħidux il-verita’, għaliex dan hu aċċettat fl-awli tagħna, sakemm il-persuni kif spjegajt mhumiex fuq il-pedana tax-xhieda, inkunu qed naċċettaw politika u sistema ta’ haqq mibnija fuq ir-ramel. Demokrazija ma tistax tiffunzjona mingħajr fiduċja, u fiduċja ma tistax teżisti mingħajr verita’.

Il-mistoqsija mhijiex jekk deputati, ġudikanti u avukati huwiex obbligat legalment jgħidu il-verita’, iżda jekk aħna, bħala soċjeta’, irridux rappreżentanti li jqisu l-verita’ bħala optional. U jekk it-tweġiba tkun iva, allura ma nistgħux nistagħġbu meta l-poplu jitbiegħed mill-politika u jitlef il-fiduċja fid-demokrazija nnifisha u fil-qrati tagħna.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading