It-Tarbija fil-Ġuf u d-Dinja Moderna tal-Lum

Minn Osservatur Politiku

F’epoka fejn kważi kollox qed jiġi kkummerċjalizzat, hemm linji morali li ma jistgħux jinqasmu mingħajr konsegwenzi serji. Is-soċjeta’ moderna, fil-ġirja tagħha lejn dak li ssejjaħ progress, qed tiffaċċja mistoqsija fundamentali, hemm affarijiet li m’għandhomx ikunu għall-bejgħ? It-tweġiba, jekk irridu nibqgħu soċjeta’ li tirrispetta d-dinjita’ umana, għandha tkun ċara. Tarbija mhix prodott. Omm mhix oġġett. U li tkun ġenitur mhuwiex tranżazzjoni kummerċjali.

Din mhijiex pożizzjoni estremista jew sentimentali, iżda waħda li tmiss il-qalba tal-umanita’ tagħna. Meta l-ħolqien tal-ħajja jibda jiġi trattat bħala servizz, inkunu qed nitbiegħdu mill-idea li kull bniedem għandu valur intrinsiku li ma jiddependix fuq il-flus, il-kuntratti jew ix-xewqat tal-adulti.

Il-ħajja umana ma tibdiex f’kuntratt, iżda f’relazzjoni. Meta t-twelid ta’ tarbija jsir frott ta’ ftehim kummerċjali, b’termini legali, penali u ħlasijiet, il-bniedem ikun diġa’ ġie mnaqqas għal oġġett. Anke jekk il-lingwaġġ użat ikun delikat u mimli kliem bħal ‘għażla’, ‘arranġament’ jew ‘ftehim etiku’, ir-realta’ tibqa’ waħda – hemm min iħallas u min iwettaq.

Tarbija, f’dan il-kuntest, tkun qed tidħol fid-dinja mhux bħala persuna li għandha drittijiet, iżda bħala riżultat ta’ transazzjoni. Dan joħloq preċedent perikoluż għax jekk il-ħajja tista’ tinxtara, allura tista’ wkoll tiġi rrifjutata, mibdula jew ikkontestata skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

Il-mara li ġġorr tqala mhijiex mezz newtrali. Hija persuna sħiħa, b’ġisem, moħħ, emozzjonijiet u relazzjonijiet. It-tqala mhijiex servizz bħal ieħor imma hija esperjenza profonda li tbiddel il-mara fiżikament u psikoloġikament. Meta nsejħu lil omm ‘carrier’ jew ‘vessel’, inkunu qed ninsew deliberatament din ir-realta’ umana.

Anke meta mara tidħol f’dawn l-arranġamenti b’kunsens, irridu nistaqsu jekk dak il-kunsens hux verament liberu. F’soċjeta’ fejn id-diffikultajiet ekonomiċi huma reali, ħafna drabi l-‘għażla’ tkun frott ta’ vulnerabbilta’. L-istorja turina li kull darba li s-soċjeta’ ppermettiet li l-ġisem tal-mara jsir riżorsa ekonomika, l-isfruttament kien inevitabbli.

Ix-xewqa li tkun ġenitur hija waħda naturali u jifhimha kulħadd. Iżda x-xewqa, anke meta tkun profonda, ma tinbidilx awtomatikament fi dritt li għandu jiġi sodisfatt bi kwalunkwe mezz. Is-soċjeta’ trid tagħmel distinzjoni ċara bejn dak li nixtiequ u dak li hu moralment aċċettabbli.

Li tkun ġenitur mhuwiex prodott li wieħed jordna skont il-bżonnijiet jew ix-xewqat tiegħu. Meta nibdew nitkellmu fuq servizzi li joffru l-ġenituri, inkunu qed inpoġġu x-xewqat tal-adulti fuq id-drittijiet tat-tarbija. Din hija qalba perikoluża tal-prijoritajiet morali.

Spiss dawn il-prattiċi jiġu difiżi f’isem il-progress u l-liberta’ personali. Iżda mhux kull ħaġa ġdida hija progress, u mhux kull għażla hija ġusta. Il-progress veru huwa dak li jsaħħaħ id-dinjita’ tal-bniedem, mhux dak li jdgħajjifha jew jagħmilha negozjabbli.
Il-liberta’ ma tfissirx li kollox huwa permess. Tfisser li s-soċjeta’ tipproteġi lill-bniedem milli jsir mezz għall-interessi ta’ ħaddieħor. Meta l-istat jidħol biex jirregola u jiffaċilita dawn it-transazzjonijiet, ikun qed jibgħat messaġġ ċar li l-ħajja tista’ tiġi amministrata bħas-suq.

Rari nitkellmu biżżejjed dwar x’jiġri meta l-affarijiet imorru ħażin. X’jiġri jekk it-tarbija titwieled b’kundizzjoni li ħadd ma kien qed jistenna? X’jiġri jekk l-omm tbiddel fehmtha jew tbati minn konsegwenzi psikoloġiċi serji? F’dawn il-każijiet, il-lingwaġġ tal-imħabba u l-għażla jinbidel malajr f’lingwaġġ legali ta’ kawżi, responsabbiltajiet u ħsarat.

Dan juri b’mod ċar li qed nitkellmu fuq sistema mibnija fuq il-loġika tas-suq, mhux fuq ir-relazzjonijiet umani. Fejn hemm flus u kuntratti, hemm kunflitti u poter. U f’dawn is-sitwazzjonijiet, l-aktar vulnerabbli dejjem ikunu dawk li jħallsu l-prezz.

Li nirrifjutaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħajja ma jfissirx li nagħlqu għajnejna għall-uġigħ ta’ dawk li ma jistgħux ikollhom tfal. Ifisser li nfittxu soluzzjonijiet li jirrispettaw id-dinjita’ ta’ kulħadd. L-adozzjoni, l-appoġġ psikoloġiku u mediku lill-koppji, u politika soċjali li jindirizzaw il-vulnerabbilta’ huma triq aktar umana u ġusta.

Soċjeta’ matura hija waħda li tgħid le meta jkun hemm bżonn, mhux waħda li tippermetti kollox f’isem il-konvenjenza jew il-profitt.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija hija waħda morali u ċivili – x’tip ta’ soċjeta’ rridu nibnu? Waħda li tqis il-ħajja bħala rigal, jew waħda li tittrattaha bħala prodott.

Tarbija mhix prodott. Omm mhix oġġett. Li tkun ġenitur mhuwiex transazzjoni kummerċjali. Jekk nitilfu dawn il-prinċipji, inkunu qed nibnu futur fejn il-valur tal-bniedem jitkejjel bil-kuntratt u mhux bid-dinjita’. U dak ikun falliment li ebda kliem ta’ progress ma jista’ jiġġustifika.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading