Għejja fit-Tmexxi Politika tal-Pajjiż

Minn Osservatur Politiku

Il-politika ma tistax tgħix fuq amministrazzjoni biss. Gvern m’għandux biss imexxi l-ġurnata, iżda għandu joħloq direzzjoni, joffri viżjoni u jispira fiduċja fil-poplu li jivvutalu. Iżda f’dawn l-aħħar snin, qiegħed jidher dejjem aktar li l-Gvern Malti qiegħed inaqqas mill-ideat, mill-preżenza politika tiegħu u anki mill-viżjoni fit-tul. Dan mhux sentiment vag jew argument ta’ xellug jew lemin imma huwa sentiment li qiegħed jiġi espress minn diversi, minn professjonisti, minn negozjanti, minn ħaddiema u minn votanti li darba emmnu bis-sħiħ fil-proġett li kellu dan il-Gvern.

Dak li qed naraw issa mhuwiex Gvern li għadu jaf fejn sejjer. Qed naraw Gvern li jżomm l-affarijiet għaddejjin, iżda mingħajr ħsieb strateġiku. Id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu aktar jidhru bħala reazzjonijiet għal problemi ta’ kuljum milli bħala passi fid-direzzjoni ta’ futur ċar.

Meta ċittadin jibda jħoss li l-politika m’għadhiex tgħinu, jew m’għadhiex tisma’ l-problemi tiegħu, il-fiduċja tonqos. U meta l-fiduċja tonqos, l-elezzjonijiet ma jibqgħux battalja ta’ ideat imma jsiru referenda fuq min ma jridux aktar.

Għalhekk mhuwiex ta’ b’xejn li l-indiċi ta’ kunsens elettorali tal-Gvern qiegħed jonqos b’mod konsistenti, u mhux minħabba xi żball wieħed jew skandlu wieħed. Dan hu frott għeja politika, nuqqas ta’ sens ta’ direzzjoni u percezzjoni li l-prijoritajiet tal-poplu mhumiex aktar dawk li jmexxu l-agenda nazzjonali.

Il-Gvern illum jidher aktar magħmul minn amministraturi milli minn mexxejja. Proġetti u miżuri jitnedew, imma mingħajr ruħ. Pjanijiet fit-tul jitħabbru, iżda mingħajr strateġija konkreta. Qed naraw aktar u aktar dokumenti u inqas u inqas direzzjoni reali; aktar diskors ta’ marketing u inqas trasformazzjoni vera; aktar flus jintefqu f’kampanji, iżda inqas investiment fil-kwalita’ tal-ħajja.

Il-politika ma tistax tinqaleb fi promozzjoni ta’ kontenut u slogans. Il-pajjiż jeħtieġ mexxejja li jassumu r-riskju li jinnovaw u joffru soluzzjonijiet ġodda, mhux imexxu fuq ‘cut and paste’ ta’ dak li sar ilbieraħ.

Is-soċjeta’ Maltija qed tgħix b’piżijiet konkreti li kulħadd jifhem u jagħraf ta’ kuljum: kriżi ta’ spiża tal-ħajja, prezzijiet tal-proprjeta’ li tilfu kull sens, infrastruttura mgħobbija iżżejjed, popolazzjoni miżjuda bla pjan, sistema edukattiva mifnija minn nuqqas ta’ għalliema u ta’ rispett professjonali u servizzi pubbliċi li dejjem aktar jonqsu li jilħqu mad-domanda.

Dawn mhumiex passi ta’ kumplessita’ teorika. Dawn huma problemi li jittieklu malajr, kuljum, fil-kċina, fit-triq, fl-iskola u fuq il-post tax-xogħol. Jekk Gvern ser jibqa’ jraqqa politikament jiġifieri, jikkoreġi problema fuq oħra, bla direzzjoni ċara r-riżultat ser ikun ħsara fit-tul u sfiduċja li tibqa’ tikber.

Il-kunsens ma jinħoloqx b’podcasts, slogans jew attivita’ fuq il-midja soċjali. Il-kunsens jinbena meta l-poplu jara skop, strateġija u serħan il-moħħ li l-affarijiet mhumiex jitmexxew b’kumbinazzjoni. Jekk il-Gvern illum jiddependi fuq marketing u mhux fuq politika, dan jagħmel ħsara lil kulħadd, anke lil min illum jinsab fil-poter.

Malta ma tistax tkompli b’politika fejn kollox huwa dwar jekk tiġix iġġudikata ħażin, aktar milli dwar li tiġi miexja tajjeb. Il-poplu qed jistenna viżjoni, mhux sempliċiment amministrazzjoni. Qed jistenna djalogu, mhux slogans. Qed jistenna soluzzjonijiet, mhux marketing.

Gvern li ma jibdiex jisma’, li ma joffrixx direzzjoni, u li jibqa’ jaħseb li jista’ jikkoreġi s-sistema billi jagħti ftit hawn u ftit hemm, jista’ jispiċċa mhux għax tilef voti, imma għax tilef l-iktar ħaġa importanti f’demokrazija l-fiduċja.

Din l-apatija qed tittrafferixxi ruħha, għall-ewwel darba fl-istorja politika ta’ Malta f’aktar nies juru li mhux ser jivvutaw milli jivvutaw lill-Partit fl-Oppożizzjoni.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading