€917 miljun

Minn Osservatur Politiku

Dik hi ċ-ċifra li l-National Transport Master Plan jistma bħala l-ispiża li se tilħaq il-konġestjoni fit-toroq sal-2030 jekk nibqgħu sejrin hekk kif aħna. Meta wieħed jaqsamhom fuq is-sena, is-sitwazzjoni ssir anke aktar xokkanti għax aktar minn €2.5 miljun kuljum. Din hija somma li l-ekonomija Maltija qed titlef, mhux f’teorija jew f’figuri astratti, iżda f’ħin, f’xogħol, f’produttività u f’kwalità tal-ħajja.

Il-konġestjoni mhix biss ringiela ta’ karozzi tul triqatna. Huwa piż ekonomiku li jaħkem lil kulħadd, lin-negozji li jitilfu l-produttivita’ għax l-impjegati jaslu tard, lill-familji li jitilfu ħin prezzjuż flimkien, lit-trasport pubbliku li ma jilħaqx il-livell meħtieġ ta’ effettivita’, u l-arja li ssir aktar maħmuġa u allura l-ispejjeż tas-saħħa jiżdiedu. Kull minuta li nkunu mwaħħlin fit-traffiku għandha prezz, u dan il-prezz bħalissa qed jispara b’rata li ma nistgħux nibqgħu ninjorawha.

Għal snin twal, il-politika tat-trasport f’Malta kienet ibbażata l-aktar fuq żewġ elementi, il-bini ta’ aktar toroq, u l-espansjoni tal-infrastruttura għall-karozzi privati. Iżda l-master plan jagħmilha ċara għax jgħid ċar li dan il-mudell falla. Ma nistgħux nibqgħu nagħmlu l-istess ħaġa u nistennew riżultati differenti. Aktar toroq xorta jimtlew.

Aktar flyovers ma jirranġawx il-problema tal-għadd esaġerat ta’ vetturi. Illum għandna wieħed mill-ogħla rati ta’ karozzi għal kull elf persuna fl-Ewropa. M’aħniex niġru biss wara l-problema, qegħdin inżiduha kuljum.

Meta wieħed jaħseb fi €2.5 miljun li jintilfu kuljum, isir ċar li Malta qiegħda tħallas spejjeż li kienu jistgħu jmorru għal affarijiet ferm aktar produttivi bħal titjib sostanzjali fit-trasport pubbliku, investiment fil-mobilita’ attiva, bħal roti, infrastruttura li tħares is-saħħa mentali u l-ħin tal-familji, żvilupp sostenibbli aktar intelliġenti, jew anke tnaqqis fil-piżijiet fuq in-negozji u l-familji. Imma minflok, dawn il-miljuni qed jintfgħu fit-toqba sewda tal-konġestjoni.

Konġestjoni fit-toroq mhijiex biss kwistjoni ta’ skumdita’. Hija kwistjoni ekonomika. Pajjiż fejn ma tiċċaqlaqx il-mobilita’ ma tiċċaqlaqx lanqas l-ekonomija. Il-frustrazzjoni tal-ħaddiema, l-ispejjeż operattivi tan-negozji, id-dewmien tal-loġistika u t-telf ta’ sigħat produttivi huma fatturi li qed idgħajfu l-kompetittivita’ ta’ Malta fl-ogħla livelli tagħha.

Il-problema ma tissolvix b’soluzzjonijiet żgħar. Hemm bżonn deċiżjoni nazzjonali ċara u kuraġġuża li twassal biex tnaqqas il-karozzi fit-toroq, li twassal biex jiġu introdotti alternattivi reali u effettivi, li tkun imħeġġa l-mobilita’ b’mezzi differenti, li twassal biex jiġu ppjanati lokalitajiet li jnisslu ħajja u mhux traffiku, u li twassal biex jiġi stabbilit mudell ta’ trasport pubbliku li hu affidabbli u kapaċi jilħaq id-domanda. Il-master plan jagħtina x-xenarju. Illum għandna l-għażla, jew nipproċedu b’din it-triq ta’ €917 miljun f’telf, jew nagħżlu li ndawru r-rotta għal futur aktar effiċjenti.

Il-figuri huma ċari, il-konsegwenzi wkoll. Dak li jonqos huwa r-rieda kollettiva biex Malta tieqaf tħares lejn il-problema tat-traffiku bħala l-ordni tal-ġurnata u tibda tħares lejha bħala kriżi ekonomika li qed tnaqqas il-kapaċita’ tagħna li nkunu pajjiż modern, kompetittiv u b’kwalità ta’ ħajja tajba. Il-konġestjoni mhijiex biss dwar karozzi. Hija dwar ħin, produttivita’, u l-futur tal-familji tagħna. Jekk ma nindirizzawx il-problema b’serjeta’ u kuraġġ, sal-2030 mhux biss se jkollna toroq mimlijin imma se jkollna ekonomija li qed tiżżarma.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading