Il-Metal Detectors fl-Iskejjel Mhux ser Issolvu l-Problema ta’Ansjeta’ Fost it-Tfal Tagħna

Minn Osservatur Politiku

L-inċident li seħħ fl-iskola ta’ Pembroke ma kienx episodju iżolat jew aċċident żgħir li jgħaddi u ninsewh malajr. Dak li ġara hemmhekk huwa sitwazzjoni ta’ tensjoni, aggressjoni u periklu li qajmet tħassib nazzjonali. Dak l-avveniment fetaħ għajnejn ħafna nies dwar ir-realta’ tas-sigurta’ fl-iskejjel Maltin.

Kien dan is-sit li qabel kulħadd ta n-nazzjonalita’ ta’ dawk involuti u r-raġuni għala seħħ l-inċident.

Issa, ftit siegħat wara, il-gvern qed jikkonsidra li jintroduċi metal detectors fl-iskejjel bħala risposta diretta għal dak li ġara f’Pembroke. Din id-deċiżjoni ma ġietx f’vakwu, iżda bħala reazzjoni għall-ambjent edukattiv li għalkemm jidher li hu sigur, ġarrab xokk li ħalla impatt profond.

L-inċident f’Pembroke ħalla impatt sħiħ fuq l-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema. Jekk dak li ġara hemm seta’ jseħħ f’skola oħra, x’saħħa jew protezzjoni kellhom tassew it-tfal tagħna?

Pembroke wera diversi problemi li ilhom jinbnew – nuqqas ta’ kontroll fuq oġġetti li studenti jistgħu jdaħħlu magħhom; tensjoni fost l-istudenti; pressjoni fuq l-iskola u l-istaff biex jimmaniġġjaw sitwazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-edukazzjoni u kultura li qed tinbidel, fejn il-vjolenza jew l-intimidazzjoni ma għadhomx rari daqs qabel.

Għal ħafna, dak li ġara f’Pembroke kien wake-up call. Għal oħrajn, kien biss il-konferma ta’ dak li ilhom iwissu dwaru snin sħaħ għax il-kwistjoni tas-sigurtà fl-iskejjel ilha teħtieġ rispons serju.

Wara Pembroke, ħafna qalu li r-risposta ovvja kienet li żżid il-livell ta’ kontroll. Għalhekk tfaċċat l-idea tal-metal detectors fil-bibien tal-iskejjel. Id-daħqa li din l-għajta ta’ sigurta’ aktar fl-iskejjel kien għamilha Donald Trump wara nċidenti serji fl-Amerika. Hawn Malta kienu daħqu bih. Issa dawk li daħqu bih qed jipproponuha!!

Iżda din il-miżura tqajjem mistoqsijiet importanti. Se nsolvu l-problema jew sempliċement inżidu kontroll fuq is-sintomi tagħha? Se noħolqu skola aktar sigura, jew skola li tidher aktar bħal ajruport taħt pressjoni? Nistgħu nipproteġu t-tfal mingħajr ma noħolqulhom sens ta’ ansjeta’ u biża’? Metal detectors jistgħu jwaqqfu oġġetti perikolużi milli jidħlu fl-iskejjel, iżda ma jwaqqfux it-tensjoni, il-kunflitti, il-problemi soċjali u l-kultura ta’ vjolenza.

Irridu nifhmu li l-inċident f’Pembroke mhux il-problema nnifisha, iżda sinjal ta’ problema akbar. Sistema edukattiva mgħobbija żżejjed. Personnel li qed jaħdem taħt stress enormi. Studenti li qed jiffaċċjaw pressjonijiet familjari u soċjali ġodda. U nuqqas ta’ strateġija ċara biex jiġu indirizzati l-imġiba aggressiva u l-vjolenza fil-klassi. Metal detectors jistgħu jkunu rispons għall-konsegwenzi, iżda mhux għeruq tal-problema.

Il-fatt li wasalna biex niċċertifikaw li studenti ta’ 10, 12 jew 15-il sena jgħaddu minn magna li tfittex armi huwa sinjal li Malta tilfet xi ħaġa, tilfet l-innocenza tal-ambjent edukattiv, il-fiduċja li l-iskola hija spazju sigur b’mod naturali u l-għaqda komunitarja li darba kienet tagħmel lill-iskejjel tagħna eżempju ta’ serenita’.

Il-gvern qed jargumenta li dan kollu jsir għall-protezzjoni. U huwa minnu li s-sigurta’ hi prijorita’ assoluta. Iżda meta pajjiż jasal biex juża metal detectors fl-iskejjel, dan jindika li falliet prevenzjoni, falliet dixxiplina, falliet il-governanza edukattiva.

Jekk metal detectors ikunu l-uniku rispons, allura qed nistqarru li l-problema tinsab barra l-bieb. Imma l-problema vera spiss tkun ġewwa l-klassijiet, fil-kultura, fil-valuri, fil-mod kif qegħdin inrabbu u fl-appoġġ li nagħtu lit-tfal tagħna.

L-inċident f’Pembroke mhux biss bidel lill-iskola iżda bidel id-diskors nazzjonali. Jekk se tuża metal detectors, Malta trid ukoll tikkonfronta l-problemi tal-imġiba b’mod professjonali, tinvesti f’servizzi psikosoċjali reali, terġa’ tibni r-rispett lejn l-għalliema u tiddefinixxi mill-ġdid x’inhuma l-valuri ta’ komunita’ edukattiva.

Pembroke ma għandux jiġi konsidrat bħala nċident straordinarju biss imma għandu jservi bħala l-ewwel twissija li ma nistgħux nibqgħu ninjoraw.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading