Il-Futur tal-Edukazzjoni f’Malta

Minn osservatur politiku

F’soċjetà moderna, l-edukazzjoni mhix biss mezz biex wieħed jikseb kwalifika jew impjieg. Hija l-magna li tmexxi l-pajjiż ’il quddiem u l-ikbar investiment li nazzjon jista’ jagħmel fih innifsu.

Meta ngħidu li l-futur ta’ pajjiżna għandu jinbena fuq l-opportunitajiet tat-tagħlim, mhux qed nitkellmu fuq ideal astratt, iżda fuq realta’ li rridu nippreparaw għaliha b’urġenza. Malta qed tiffaċċja sfidi li jeħtieġu poplu mżejjen bil-ħiliet tiegħu, bil-kapaċita’ li jadatta u bil-kreattivita’ tiegħu. It-tagħlim, f’din id-dinja li qed tinbidel b’pass mgħaġġel, sar il-kapital l-aktar prezzjuż.

Ekonomija b’saħħitha ma titwieledx mill-infrastruttura biss jew mill-investiment barrani. Tiġi mill-poplu li għandu ħiliet, mill-ħaddiema li għandhom l-għarfien li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni, u minn ġenerazzjoni li taf taħseb kritikament. Pajjiżi li investew b’mod massiċċ fl-edukazzjoni, jiġifieri mill-edukazzjoni bikrija sal-iżvilupp kontinwu tal-ħaddiema, huma llum fost l-aktar ekonomiji kompetittivi fid-dinja.

Għal Malta, dan ifisser li għandna bżonn nagħtu lill-uliedna taħriġ f’oqsma ġodda bħad-diġitalizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali u l-enerġija sostenibbli; irridu nkunu kapaċi nattiraw industriji b’valur miżjud u mhux nistrieħu fuq mudelli tradizzjonali li qed isiru skaduti; u fuq kollox, irridu l-opportunita’ li wieħed jibni karriera permezz tat-tagħlim tul ħajtu kollha li jkun faċli, aċċessibbli u miftuħ. Ekonomija li ma tinvestix fit-tagħlim hija ekonomija li tibqa’ lura.

Il-kunċett tat-tagħlim illum jmur ferm lil hinn mill-iskejjel u l-universitajiet. F’pajjiżna irridu nħarsu lejn edukazzjoni b’viżjoni aktar wiesgħa bħal programmi ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol, korsijiet għal dawk li jridu jibdlu professjoni, opportunitajiet għal min jaħdem biex isaħħaħ il-ħiliet tiegħu, u tagħlim għal dawk li waqgħu lura fis-sistema tradizzjonali. Meta pajjiż jagħlaq il-bibien tat-tagħlim, ikun qed jagħlaq il-bibien tal-futur tiegħu stess.

Soċjeta’ ġusta u ugwali ma tinbniex bil-kliem, iżda bil-possibbilta’ reali li kulħadd, mingħajr eċċezzjoni, ikollu aċċess għall-edukazzjoni. Meta t-tfal kollha jkollhom l-istess opportunitajiet minn kmieni; meta ż-żgħażagħ kollha jkollhom aċċess għal tagħlim ta’ kwalita’; meta adulti li fallew fl-ewwel tentattiv ikollhom it-tieni ċans, dak hu l-mument meta l-ġustizzja soċjali tieħu forma. Pajjiż fejn l-edukazzjoni tibqa’ privileġġ ta’ ftit ma jistax jitkellem fuq futur ġust.

Jekk irridu tassew nibnu futur b’saħħtu fuq l-edukazzjoni, irridu nkunu lesti għal riformi li jmorru lil hinn minn tiswijiet kosmetiċi. Jeħtieġ sistema skolastika li tħeġġeġ il-ħsieb kritiku u mhux it-tagħlim tal-memorja, investiment fl-għalliema biex ikollhom kundizzjonijiet moderni u stimolanti, ambjent edukattiv li jagħti valur lill-kreattivita’, ix-xjenza u t-teknoloġija, u sistema li tkun inklussiva għal kulħadd, inkluż tfal bi ħtiġijiet differenti. Il-mudelli l-qodma tal-edukazzjoni għandhom jiġu aġġornati biex jissodisfaw id-dinja tal-lum.

Id-dinja qed tinbidel b’teknoloġija ġdida, b’mudelli ta’ xogħol ġdid, bi sfidi globali li qatt ma konna nistennew. Il-pajjiżi li se jirnexxu huma dawk li għandhom popolazzjoni mħarrġa, miftuħa għall-bidla u kapaċi tifhem ir-realta’ u taddattaha. Tagħlim qatt ma jkun qed jintemm għax huwa proċess tul il-ħajja kollha. F’Malta għandna bżonn inħarsu lejn l-edukazzjoni bħala l-ewwel linja tad-difiża tagħna kontra l-inċertezzi tal-futur.

Il-futur ta’ pajjiżna mhux se jinbena fuq deċiżjonijiet azzardati jew fuq opportunitajiet li jistgħu jinqalgħu imma jinbena meta nfasslu pjan ċar u nazzjonali li jagħmel mit-tagħlim l-ewwel prijorita’. Meta nagħżlu li ninvestu fil-moħħ, fl-għarfien u fl-abbiltajiet taċ-ċittadini tagħna, inkunu qed ninvestu f’pajjiż b’saħħtu, kompetittiv u sabiħ għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-futur jista’ jkun imdardar jew ċar, jista’ jkun instabbli jew sod. Id-differenza ma tagħmilhiex ix-xorti imma tagħmilha l-edukazzjoni.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading