Il-Fenomenu Tal-Media Soċjali

Minn Osservatur Politiku
Il-fenomenu tal-midja soċjali, li darba kien meqjus bħala mezz ta’ divertiment jew komunikazzjoni personali, illum sar għodda strateġika u essenzjali fil-kampanja elettorali ta’ kull politiku. Minn Facebook sa TikTok, minn Instagram sa X, il-politika moderna issa tiġi mibnija fuq il-likes, il-views u l-algoritmi. Dak li darba kien jitħaddet fuq il-palk tal-massa, illum jingħad fi storja ta’ 30 sekonda. Il-politiku ma jibqax biss kandidat, imma jsir mudell u l-midja soċjali hija s-suq tiegħu.
Qabel, il-kampanja elettorali kienet tikkonsisti f’laqgħat pubbliċi, laqgħat man-nies u diskorsi fit-toroq. Illum, il-votant mhux bilfors jiltaqa’ mal-kandidat tiegħu imma jagħmel scroll fuq il-mobile u jara l-kliem tiegħu f’vidjo jew post.
Din il-bidla ħolqot komunikazzjoni diretta u immedjata. Il-politiku jista’ jilħaq eluf ta’ persuni f’sekondi, mingħajr ma jgħaddi mill-istampa tradizzjonali jew mill-midja televiżiva. Għal ħafna, dan hu pass demokratiku imma kull min għandu telefon jista’ jħossu parti mid-dibattitu politiku.
Iżda, min-naħa l-oħra, dan il-vantaġġ ġab ukoll riskju serju ta’ superfiċjalita’. Il-politika fuq il-midja soċjali ħafna drabi ssir logħba ta’ immaġni, emozzjoni u populazzjoni istantanja, aktar milli argument u politika sostanzjali.
Illum kull politiku jrid ikun ukoll ‘content creator’. Kull mossa, kull żjara, kull konferenza trid tkun filmat sabiħ, caption attraenti u hashtag li jiġbed l-attenzjoni. Dan mhux neċessarjament ħażin għax il-midja soċjali tagħti opportunita’ lill-politiċi juru n-naħa umana tagħhom, li jersqu lejn iċ-ċittadini u jagħtu ħarsa ġdida lejn il-ħidma tagħhom. Imma xi kultant, il-periklu hu li l-immaġni ssir aktar importanti mis-sustanza.
L-esperjenzi reċenti f’Malta juru li politiċi minn kull naħa qed jinvestu b’mod qawwi fil-midja diġitali, mhux biss f’kontenut organiku, imma wkoll f’reklamar imħallas u timijiet professjonali tal-media li jaħdmu biss fuq kampanji online. Il-politika, f’dan is-sens, saret kamp ta’ battalja diġitali.
Wieħed mill-aktar effetti qawwija tal-midja soċjali fil-politika huwa fuq il-votant żagħżugħ. Din il-ġenerazzjoni ma tużax il-gazzetti u ħafna drabi lanqas it-televiżjoni imma l-politika tilħaqhom permezz ta’ clips ta’ TikTok, memes, u kampanji viżivi.
Xi esperti jgħidu li dan jista’ jsaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika, billi jagħmel il-politika aktar aċċessibbli u moderna. Iżda oħrajn iwissu li hemm periklu ta’ manipulazzjoni u polarizzazzjoni, speċjalment meta l-algoritmi jippromwovu kontenut li jqajjem emozzjonijiet aktar milli diskussjoni serja.
Meta l-votant jara biss il-verżjoni editjata tal-politiku, ikun diffiċli jifforma opinjoni matura u infurmata.
Il-midja tradizzjonali, bħal gazzetti u televiżjoni, għadha importanti, imma tilfet il-mument tagħha ta’ kontroll fuq il-messaġġ. Illum, il-politiku jista’ jdur madwarha u jikkomunika direttament mal-pubbliku. Dan ġab tnaqqis fil-fiduċja fil-ġurnaliżmu, iżda wkoll sfida ġdida għall-verità u l-fatti. Meta kollox isir ‘post’, ‘comment’ jew ‘share’, ħafna drabi l-informazzjoni tiġi maħluqa, mibdula jew manipulata b’mod faċli.
Il-midja soċjali tat qawwa kbira lill-politika, imma flimkien ma’ din il-qawwa ġiet responsabbilta’ akbar. Il-politiku modern għandu f’idejh għodda li tista’ tibni jew teqred reputazzjoni f’sekonda.
Għalhekk, il-futur tal-politika Maltija jiddependi fuq kemm il-politiċi se jużaw din il-pjattaforma b’mod matur, trasparenti u ġenwin. Għax jekk il-midja soċjali tibqa’ biss mezz ta’ propaganda u mhux ta’ konversazzjoni, inkunu qed nitilfu l-iskop ewlieni tagħha, li tqarreb lill-politiku lejn in-nies.
