Identita’ li Qed Tinbidel

Minn Osservatur Politiku

Fl-aħħar għaxar snin Malta rat bidla demografika u kulturali bla preċedent li qed ikollha effett fuq l-identita’ tagħna. Fuq gżira dejjem magħrufa għall-omogenita’ tagħha, l-influss qawwi u mgħaġġel ta’ eluf ta’ barranin, ħaddiema, residenti u negozjant, ħoloq realta’ ġdida li fiha l-identita’ Maltija qed titħawwad, tinbidel u f’ċerti każi anke tintilef. Din mhijiex diskussjoni dwar jekk inħobbux jew nibżgħux mil-barranin imma hija riflessjoni serja dwar kif numru kbir ta’ tibdil f’temp qasir jista’ jagħti xokk kemm kulturali kif ukoll fuq l-identita’ lil pajjiż żgħir tagħna.

Malta ilha tgħaddi minn moviment ta’ nies, iżda qatt daqs illum. L-aħħar għaxar snin raw żieda rekord ta’ residenti barranin li biddlu kompletament il-proporzjon demografiku. F’diversi lokalitajiet, il-Maltin issa saru minoranza, u dan inevitabilment qed iħalli impatt fuq il-lingwa, fuq il-ħajja soċjali u fuq ir-relazzjoni bejn in-nies.
Meta ħafna residenti ġodda mhumiex marbutin mal-kultura Maltija, ma jħossuhomx parti minnha u lanqas għandhom għalfejn jadattaw ruħhom għaliha, ikun hemm telf kulturali li l-komunitajiet Maltin qed iħossu b’mod qawwi.

Il-lingwa Maltija ilha tevolvi għal sekli, iżda fl-aħħar snin sabet ruħha taħt pressjoni li qatt ma kien inħass qabel. Numru kbir ta’ ħaddiema f’Malta jitkellmu biss bl-Ingliż, u f’xi każi lanqas b’Ingliż tajjeb, u għalhekk il-komunikazzjoni f’ħafna postijiet tax-xogħol, ħwienet u servizzi saret prattikament Ingliża.

It-tfal Maltin li mdorrijin jiltaqgħu ma’ nies li ma jafux il-lingwa tagħhom stess, qed jikbru f’pajjiż fejn il-Malti spiss jidher skomdu jew mhux neċessarju. Dan joħloq riskju reali li l-Malti għalkemm jibqa’ mitkellem, jista’ jitlef il-ħajja soċjali, emozzjonali u kulturali tiegħu.

Il-preżenza barranija ma hiex biss fuq livell soċjali, iżda fuq livell ekonomiku wkoll. Ħafna minn dawk li jinsabu f’pożizzjonijiet ekonomiċi ta’ poter, fil-kostruzzjoni, fil-kiri, fil-gaming, fil-ospitalita’, mhumiex Maltin. Dan ħoloq mudell li fih il-pajjiż qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel minn barranin aktar milli Maltin.

Komunitajiet tradizzjonali ġew imfarrka biex jinbnew bini għoli u blokok ta’ appartamenti mmirati primarjament għal suq barrani. Il-Maltin ifittxu jixtru jew jikru post fil-komunitajiet tagħhom stess, iżda jiffaċċjaw prezzijiet li ma jirriflettux il-paga li huma għandhom. Il-pajjiż mhux biss nbidel li saħansitra l-Maltin qed jingħafsu minnu.

Il-ħajja tal-gżejjer dejjem kienet ibbażata fuq il-komunita’. Imdorrijin naraw ġirien li jgħinu lil xulxin, ħwienet żgħar, tradizzjonijiet lokali, u ritmi ta’ ħajja paċifika u familjari. Illum ħafna minn dawn l-affarijiet qed jisparixxu. Hemm żoni f’Malta li ma jirrappreżentawx kważi xejn mill-identita’ tagħna, ristoranti internazzjonali, ħwienet ta’ razez differenti, kjoskijiet kulturali globali, u komunitajiet fejn lanqas il-festi jew l-attivitajiet lokali m’għandhom post għax il-popolazzjoni hija kompletament ġdida.

Dan ma jfissirx li l-barranin huma ħżiena għax hemm ħafna li jħobbu lil Malta u jaddattaw ruħhom għaliha. Imma l-fatt hu li l-volum u r-ritmu tal-bidla ħolqu effett fejn il-kultura Maltija m’għadhiex tiddomina fuq art tagħha stess.

Il-Maltin għandhom sens qawwi ta’ familja, tradizzjoni u komunita’. L-influss ta’ stili ta’ ħajja aktar individwalisti, bbażati fuq xogħol intensiv u konsum, qed iċaqlaq dan il-mudell soċjali. Illum naraw inqas nies jattendu l-attivitajiet lokali, inqas parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunita’ u aktar dipendenza fuq mudell urban u modern li mhux dejjem jirrifletti l-karattru tagħna.

Qabel konna poplu li joffri l-ospitalita’ b’mod naturali u bi kburija. Illum qed nirrejaġixxu b’mod difensiv. Ħafna Maltin iħossu li t-tibdil mhux taħt kontroll, li l-pajjiż qiegħed jintilef f’idejn interessi li mhumiex tal-komunita’ lokali. Dan mhux razziżmu u lanqas mibegħda imma huwa istint ta’ sopravivenza kulturali.

L-identita’ Maltija dejjem kienet flessibbli, kapaċi tadatta. Imma f’dawn l-aħħar għaxar snin l-isfida hi differenti. Il-bidla mhijiex ġejja minn ġewwa, iżda minn barra, f’volum u f’veloċita’ li qatt ma rajna bħalha.

Il-mistoqsija li nibqgħu nġorru magħna hi waħda essenzjali, se nħallu l-identita’ tagħna tintemm bħala nota storika, jew se niġġieldu biex nibqgħu poplu b’kultura u personalita’ unika? Il-futur tal-identita’ Maltija jiddependi minn kemm irridu u kemm aħna kapaċi niġġeneraw bilanċ bejn min aħna u min ġej fostna.

2 thoughts on “Identita’ li Qed Tinbidel

  1. Malta minn dejjem kienet kenn ghal barranin. Illum zdied ghax it-trasport tal-massa bejn art u ohra, inbidel totalment. Illum id-dinja saret rahal wiehed bl-izvilupp tat-teknologija fejn jidhol it-trasport. Li hu ta’ gid ghal pajjizna, hu l-fatt, li d-demm malti (?) qdiem u ghandu bzonn transfuzjoni kbir. Certa mard bhad-diabete, obesita’, mard kardiologiku, ecc. li tista’ tghidilhom ereditarji, barra mard iehor bhal anke mentali, qeghdin dejjem jizdiedu. Fit-1223, kien hawn injezzjoni gdida ta’ demm (taljan) minn rahal Celano fl-Italja. Nahseb li ergajna wasalna ghal dan it-tip ta’ trasfuzjoni. U ghala m’ghandniex nadattaw ghal kulturi ohra? Ahna pajjiz flessibli, adottajna l-Halloween, kif niccelebraw il-festi, u ziedna maghhom, x’fiha hazina? Il-punt, kif narah jien, hu l-malti (ma hawn hadd pur), qieghed jibza’ mil-bidla. Il-bidla ghandha tkun silenzjuza u mhux bil-glied. Il-glied ikisser, joqtol, u jeqred il-kultura bhalma qieghed jigri tul iz-zminijiet.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading