Is-Suq tal-Propjeta: X’Inhi s-Soluzzjoni?

Matul l-aħħar għaxar snin, Malta rat bidla drammatika fis-suq tal-propjeta’. Dak li darba kien meqjus bħala investiment stabbli u sigur, illum sar lussu li ħafna ma jistgħux ilaħħqu miegħu. Il-prezzijiet tal-propjetà mhux biss żdiedu imma splodew. Il-bini kompla jgħola minkejja l-għajta li qed nibnu ħafna. Jidher li dan il-ħafna bini li tiela’ ma faqax is-suq u ma ġabx waqa’ fil-prezzijiet. Dan il-fenomenu ma nistgħux inħarsu lejh bħala żvilupp normali tas-suq. Huwa sinjal ta’ distorsjoni profonda li qed taffettwa kull aspett tal-ħajja soċjali, ekonomika u demografika fil-pajjiż.
Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel setgħu jixtru dar bil-paga tagħhom. Illum, żgħażagħ b’xogħol stabbli u edukazzjoni tajba qed isibuha impossibbli jmorru għall-ewwel propjeta’ tagħhom. Skont rapporti tal-banek, il-prezzijiet medji ta’ appartamenti f’ċentri urbani żdiedu bi kważi 70% f’għaxar snin, waqt li s-salarji żdiedu b’inqas minn 20%. Dan ifisser li il-poter ta’ xiri tal-familji naqas drastikament.
X’inhi il-konsegwenza? Żgħażagħ li jibqgħu jgħixu mal-ġenituri sal-aħħar tal-għoxrinijiet, koppji li jagħżlu l-kirja minkejja l-inċertezza, u oħrajn li jidħlu f’dejn ta’ għexieren ta’ snin. Il-problema mhijiex biss f’min irid jixtri għax anke s-suq tal-kirjiet sploda. L-appartamenti li kienu jinkrew għal €400 jew €500 fix-xahar issa jiswew doppju jew iktar.
Dan mhux biss qed iħalli impatt fuq il-ħaddiema Maltin, imma wkoll fuq l-attrazzjoni ta’ Malta għal ħaddiema barranin. Il-kiri għoli qed iġiegħel lil ħafna jitilqu jew ifittxu pajjiżi oħra fejn il-ħajja tkun aktar affordabbli. Il-konsegwenza ekonomika hija ċara għax pajjiż li jsir wisq għali biex tgħix fih, isir ukoll diffiċli biex taħdem fih.
Waħda mir-raġunijiet ewlenin mogħtija wara din l-isplużjoni hija l-ispekulazzjoni bla kontroll fis-suq tal-propjeta’. Imma naħseb li l-problema hija aktar profonda. Hu minnu li ħafna akkwistaw propjeta’ mhux biex jgħixu fiha, imma bħala mezz ta’ profitt rapidu. Li wieħed jagħmel profitt, anki jekk rapidu, ma fiha xejn ħażin.
Imma skemi ta’ ċittadinanza, self baxx fuq ix-xiri, u tnaqqis fit-taxxi fuq il-bejgħ ma għamlux il-propjeta’ aktar aċċessibbli imma għamluha aktar oġġett ta’ spekulazzjoni. Il-konsegwenza kienet żidiet qawwija ta’ prezzijiet fejn kulħadd jipprova jaqla’ aktar. Anzi hawn ma nara xejn ħażin.
Dak li ġara hu li l-prezzijiet esplussivi tal-propjeta’ qed iħallu impatt serju fuq il-koeżjoni soċjali. Meta żgħażagħ ma jistgħux jixtru jew jikru b’mod sostenibbli, jitwettaq ċiklu ta’ dipendenza u frustrazzjoni. Il-ħolma Maltija tad-dar tiegħek qed tisparixxi. Din mhix biss kwistjoni ekonomika, imma kwistjoni ta’ identita’ u stabbilta’. Pajjiż fejn il-familji ma jistgħux jiffurmaw ruħhom u jgħixu bil-kumdita’ huwa pajjiż li qed jitlef ir-ruħ tiegħu.
Imma jkun żball jekk il-politika tal-Gvern tkun dik li tikkontrolla is-suq, kif hemm min qed jgħid. Għall-inqas din mhix il-politika tal-gvern. Il-gvern anzi għandu jħeġġeġ l-investiment fl-art u fil-bini.
Għalhekk mhux meħtieġ bidla radikali fil-mod kif inħarsu lejn il-propjeta’, imma biddla kif il-gvern iħares lejn il-propjeta. Waqt li l-gvern irid jiggarantixxi l-liberta’ tal-privat li jibni, huma ma għandux jintrabat, kif qed jitlob il-privat, li ma jidħolx f’kompetizzjoni miegħu u jibni anki huwa wkoll djar għall-kopji Maltin li qed ifittxu li bis-serjeta’ iwaqqfu familja.
Dan għandu jkun fuq quddiem fil-pjan nazzjonali. Jekk jagħmel hekk, jerġa’ jkun hawn djar b’affordabilita’ għaż-żgħażagħ li jrid jixtru, u anki għal dawk li jridu jikru. Il-Gvern irid jinvesti u mhux jintervjeni fuq il-prezzijiet kemm tal-bini jew tal-kirjiet. Dan jagħmlu billi joħloq inċentivi għal djar soċjali. Dan isir mhux billi jagħmel sistemi ta’ taxxa li jrażżnu l-ispekulazzjoni, imma billi huwa stess jibni djar jew torrijiet ħalli jintużaw bħal djar soċjali.
It-tieni, hemm bżonn li l-ippjanar urban jinħeles mill-influwenza tal-iżviluppaturi. Jiġifieri l-gvern ma jistax joqgħod dejjem għal dak li jgħidu l-iżviluppatur – inkluż l-oġġezzjonijiet tagħhom li l-gvern jibni s-social housing.
Ma jistax ikun li f’pajjiż daqs Malta, kull biċċa art titqies bħala opportunita’ ta’ profitt imma l-anqas hu sew li l-iżviluppaturi jibnu l-flattijiet u l-gvern ma jibnix blokka waħda. L-art hija risorsa limitata li għandha tintuża b’għaqal u rispett lejn il-komunitajiet. Il-propjetà għandha tkun mezz biex nibnu ħajja. Mela waqt li l-gvern ma jostakolax lil min irid jibni kontijiet bankarji, għandu joħloq sistemi fejn biex żviluppaturi jibnu blokok jew torrijiet, iridu wkoll jidħlu biex jibnu social housing biex ikun jista’ joħroġ il-permess.
B’hekk il-prezzijiet tal-propjetà ma żdidux b’mod artifiċjali u waqt li ma tinqatilx il-kultura li tqis il-bini bħala simbolu ta’ suċċess.
Jekk Malta trid tibqa’ pajjiż fejn iż-żgħażagħ jistgħu jibnu futur, jeħtieġ li terġa’ lura għal prinċipju sempliċi li l-gvern jibni d-djar għan-nies u jekk hemm bżonn dak li ħafna qiesu spekulaturi jiġu mitlubha biex jibnu housing soċjali jekk iridu permessi biex jibnu t-torrijiet.
