Wasal iż-Żmien għal Riforma Parlamentari Jekk Verament Irridu li Jkollna Parlament Effettiv

Minn Osservatur Politiku

Hemm mumenti fil-politika meta pajjiż irid jieqaf, jieħu nifs u jdur lura lejn l-istrutturi tiegħu biex jistaqsi mistoqsijiet sempliċi iżda fondamentali – Qed jaħdmu għall-poplu? F’Malta, wieħed mill-aktar suġġetti li rari jiġu diskussi b’onesta’ iżda li kulħadd jaf bih huwa l-fatt li l-Parlament tagħna huwa ffullat iżżejjed. L-ammont ta’ Membri Parlamentari li llum jokkupaw is-siġġijiet fil-bini tal-Parlament mhux biss hu sproporzjonat għall-popolazzjoni, iżda qed joħloq sistema ineffiċjenti u mhux moderna.

Malta hi l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, iżda għandha wieħed mill-ogħla proporzjonijiet ta’ parlamentari meta mqabbel mal-popolazzjoni tagħha. Dan mhux biss juri nuqqas ta’ skala tanġibbli, iżda wkoll in-nuqqas ta’ ħsieb serju dwar jekk il-pajjiż hux qed jagħmel użu għaqli tar-riżorsi tiegħu. Il-mistoqsija ma tibqax kemm għandna bżonn?, iżda pjuttost kemm hemm bżonn veru? U ħafna minn dawk li jsegwu l-politika f’pajjiżna jafu li hemm iż-żejjed.

Dan l-ammont żejjed ma ġiex b’kumbinazzjoni. Il-mekkaniżmi kostituzzjonali li ġew introdotti, xi kultant b’intenzjonijiet tajbin, biex jiżguraw rappreżentanza u bilanċ, spiċċaw joħolqu superstruttura parlamentari li tespandi u tespandi skont ir-riżultati elettorali. Il-pajjiż spiċċa f’sitwazzjoni fejn sistema magħmula biex toħloq ġustizzja elettorali rreduċiet parlament li kważi wasal għal saturazzjoni.

Ironikament, aktar ma jiżdiedu l-membri, l-proċess kollu jsir anqas effiċjenti. L-argument li aktar membri jfissru aktar rappreżentanza ma jirriżultax fil-pożittiv meta wieħed jara r-realta’. Ħafna mill-Membri Parlamentari, minħabba l-piż ta’ karigi ministerjali, segretarji parlamentari, impjiegi esterni jew inqas ħin għax-xogħol leġiżlattiv, ma jistgħux jagħtu kontribuzzjoni sostanzjali. L-ogħla numru ta’ parlamentari mhux qed jiġġenera kwalita’, imma frammentazzjoni.

Il-ħidma parlamentari f’Malta saret wisq teatrali, wisq ripetittiva u anqas iffukata fuq il-leġiżlazzjoni li tassew tbiddel il-ħajja tan-nies. Meta jkollok numru eċċessiv ta’ membri, il-Parlament jaqa’ f’ruxmata diskorsi simili, riżoluzzjonijiet mingħajr piż, u dibattiti li jservu aktar bħala spettaklu milli bħala ġid pubbliku. Il-problema mhix biss numerika imma hija funzjonali.

Il-pajjiż għandu bżonn Parlament aktar żgħir, aktar effiċjenti u aktar professjonali, mhux wieħed li jkompli jiddiskuti fix-xejn. Pajjiżi ħafna akbar minna jimxu b’numri ħafna iżgħar, u xorta jirnexxilhom jipproduċu leġiżlazzjoni b’saħħitha, kontroll demokratiku u skrutinju reali tal-gvern. Malta teħtieġ li tibda tħares lejn mudelli oħra, mudelli li jagħtu vantaġġ lill-kompetenza u mhux lill-kwantita’.

Jekk Parlament iżgħar jidher radikali, irridu niftakru xi ħaġa li l-idea li jkollok aktar nies fil-Parlament għandha sens biss jekk dawk il-persuni jkunu kapaċi jagħmlu xogħolhom b’mod effettiv. Meta dan ma jsirx, qed inżidu piż mal-istat mingħajr ritorni u qed noħolqu struttura li l-poplu ma jiflaħx għaliha. Il-pagi, il-benefiċċji, il-personelle, il-proċeduri u l-ħin kollu li jinħela meta d-diskussjoni parlamentari ttawwal iż-żejjed biex jitkellem kulħadd. Dawn huma spejjeż diretti li jaqgħu fuq il-poplu.

U hawnhekk tinsab il-kwistjoni ewlenija li s-sistema attwali mhux qed isservi lill-pajjiż. Mhux qed toħloq Parlament aktar b’saħħtu u lanqas aktar robust. Qed toħloq Parlament mimli, mhux Parlament ta’ diskussjoni.

Wasal iż-żmien li nibdew diskussjoni nazzjonali serja dwar ir-riforma parlamentari. Din mhix kwistjoni ta’ kulur politiku, iżda ta’ governanza tajba. Pajjiż żgħir bħal tagħna għandu bżonn struttura li tirrifletti r-realtajiet tiegħu, Parlament li jaħdem għall-poplu, mhux Parlament li l-poplu jaħdem biex isostnih.

Malta ma tistax tkompli tiċħad li għandha problema strutturali fil-qalba tat-tmexxija tagħha. Riforma tal-Parlament mhix lussu imma hija urġenza.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading