Ix-Xorti fil-Politika Mhux Kollox: Magħha Trid il-Virtu’ Makkjavelliku

Ikun hawn min jistaqsi, jekk ix-xorti titbissimlek u tkun tajjeb, tirnexxi fil-politika? Il-politika hi arena kumplessa fejn il-personalitajiet, l-ideat u ċ-ċirkustanzi jiltaqgħu u jagħmlu l-istorja. Jeżistu ħafna teoriji dwar x’jgħin politiku jirnexxi u x-xorti tista’ tkun waħda minnhom. Imma l-mistqosijiet jiġu waħedhom. X’jiġi l-ewwel fil-karriera politika, x-xorti jew it-tjubija? U kemm minnhom tassew huma neċessarji biex wieħed jibni reputazzjoni u futur politiku stabbli?
Jekk inħarsu lejn is-survey li kellna, jidher li x-xorti ma tantx qed tidħaq lill-prim ministru u forsi hija aktar ħanina ma’ Alex Borg. Fi kliem ieħor, f’dik li hija xorti, jidher li s-sitwazzjoni inqalbet ftit. Ix-xorti kienet tidħaq ħafna lil Joseph Muscat u ħafna inqas lill-kapijiet Nazzjonalisti li hu affaċċja.
Macchiavelli jgħid li x-xorti (hu isejħilha fortuna) hija importanti, imma biex tirnexxi trid anki dak li Macchiavelli sejħa virtu’. B’virtu’ Macchiavelli mhux qed jifhem tjubija, imma ħażen tat-triq.
Ħafna karrieri politiċi ġew immarkati minn mumenti ta’ ċans. Kriżi fil-partit, riżenja mhux mistennija, jew xi skandlu f’daqqa jagħmlu spazju għal wiċċ ġdid. F’Malta rajna każijiet fejn xi deputat relattivament mhux magħruf sab ruħu bħala ministru jew anke mexxej, mhux għax kien il-kandidat naturali, iżda għax ċirkostanzi partikolari fetħulu t-triq. Eddie Fenech Adami kien wieħed minnhom. Hawn fejn tidħol ix-xorti. Imma mbagħad il-politiku ried li jkollu l-virtu biex jirnexxi.
Għalhekk ix-xorti għandha limitu. Tista’ toħloq il-possibbiltà, imma mhix biżżejjed biex iżżomm l-appoġġ tal-poplu fuq żmien twil. Hawn trid il-virtu’.
Ħafna jinterpretaw il-virtu bħala li tkun tajjeb, ikollok integrita’ personali li ma tinxtarax u tibqa’ konsistenti fil-prinċipji tiegħek. Ikollok sens qawwi ta’ ġustizzja soċjali li ma taħsibx biss fil-votant tiegħek imma taħseb fil-ġid komuni. U fuq kollox l-umanita’ li jirnexxielek tara lil kulħadd mhux bħala numru jew voti, imma bħala nies bi ħtiġijiet u drittijiet. Għal Macchiavelli, dawn ma humiex importanti. Għalih il-virtu’ tfisser li tkun taf tmexxi u tilqa’ l-isfidi kumplessi tal-pajjiż. Għal Macchiavelli li kollok umanita’ hija biss strateġija biex tibqa’ u saħħaħ il-poter.
U jekk politiku jkollu x-xorti li jsib post ta’ poter meta ma kienx mistenni, irid ikun kapaċi jgħaqqad il-virtu’ mal-fortuna. Hemm minn jaħseb li dak li hu importanti hu li jibni reputazzjoni ta’ integrita’ u serjeta’ biex jasal. Dan mhux biżżejjed. L-istorja wrietna li ħafna mexxejja meta urew kredibilita’ personali mhux bil-fors irnexxew fil-politika.
Imma jekk irridu nkunu realistiċi, fil-politika x-xorti u l-virtu’ jimxu id f’id. Ix-xorti tiftaħlek il-bieb meta l-mument politiku jkun wasal f’ħin perfett biex tipprova tidħol fil-politika jew titla’ fil-pożizzjoni politika. Id-don tat-tjubija jista’ żżommok f’postok, imma trid turi li għandek saħħa li tmexxi mingħajr biża’. Trid turi li taf l-universita’ tat-triq.
Għalhekk fil-politika, is-serjeta’ u l-prinċipji mhux kollox. Kellek politiċi li biddlu l-prinċipji tagħhom. Dom Mintoff mexa minn politika ta’ integration mal-Ingilterra għal waħda ta’ British go out. Il-bieb li tiftaħ ix-xorti malajr jingħalaq jekk ma jkunx hemm virtu’. Mingħajr il-virtu’ fil-politika, il-fiduċja tintilef.
Fl-istorja ta’ pajjiżna rajna wkoll xi politiċi li kellhom xorti, daħlu b’popolarità kbira, iżda f’qasir żmien spiċċaw fil-mira tal-kontroversji jew tal-iskandli. Oħrajn ġew attakki anki jekk kellhom prinċipju u virtuwijiet għoljin u baqgħu l-art jew it-tmexxija fil-gvern tagħhom kienet qasira. F’dawn il-każijiet, ix-xorti kienet biss pass temporanju, mhux garanzija ta’ suċċess.
Fil-politika Maltija, fejn il-partit hu kważi dejjem qawwi aktar mill-individwu, ix-xorti tista’ tkun relatata mal-istruttura interna ta’ partit, mal-appoġġ ta’ ċerti fazzjonijiet, jew mal-kuntest elettorali. Imma l-poplu Malti, minkejja li xi kultant jivvota fuq linji ta’ lealtà, jaf ukoll jagħti valur lill-personalità. Min hu politiku ħaxxej u konvinċenti, spiss jirbaħ il-fiduċja fuq żmien twil.
Fil-politika, bħal fil-ħajja, ix-xorti tista’ tgħinek tibda. Iżda mingħajr kapaċità, ma tibqax hemm. F’pajjiż bħal Malta, fejn l-istorja politika hi magħmula minn suċċessi u diżappunti kbar, il-messaġġ hu ċar; il-veru suċċess fil-politika jinbena fuq karattru u valuri, mhux fuq ċans temporanju. Politiku li jkun tajjeb u onest mhux bil-fors li jirnexxi. Anzi iċ-ċans tiegħu hu li jfakkruh il-forzi kollha, inkluż dawk li jħabbtu fuq sidirhom fil-knejjes tagħna. Anzi, dawn ikunu fuq quddiem.
B’hekk politiku jrid jistenna l-mument tiegħu għax ix-xorti xi darba x’aktarx se tgħinu, imma mbagħad irid isir Makkjavelliku f’għemilu. Il-politiku li jiddependi biss fuq ix-xorti, inevitabbilment jinqabad fix-xibka tal-kontradizzjonijiet tiegħu stess għaliex ma jkollux il-virtu’ jew il-ħażen ta’ kif jista’ joħroġ minnhom.

Prosit għall-awtur ta’ dan l-artikolu. Kważi qatt jew diffiċli ser issib taqra wieħed bħalu, sinċier u bla bias. Jiddiskrivi kif min jasspira li jsir politiku għandu jimxi jekk xortiħ man-nies tgħatiħ iċ-ċans tas-siġġu.
Artiklu tajjeb ħafna.
Imma trid il-“fortuna” mhux fil-bidu biss imma anke matul it-triq.
Ħafna jispiccaw mill-politika dizilluzi, dizappuntati, u cinici.
Imma hemm min sewa għal xi ħaġa, għamel tibdil għat-tajjeb, għamel sold sew…
Sfortunatament, ġeneralment, l-aktar li “rnexxew” huma dawk li jduru skond kif jonfoħ ir-riħ, ambizzjuzi bla qies, iħobbu l-poter fih in-nifsu, dawk mhux immażrati ma’ ħafna prinċipji, jissagrifikaw lil kull min ikun hemm bżonn biex javvanzaw huma, prużuntuzi, tajbin biex joħolqu s-“sound bites”, narċisisti, jiktbu biex jifhem anke l-aktar wieħed ebete, jiżolqu mill-għawġ, u jidhru ħelwin u bravi imma dejjem jagħmlu li jaqblilhom.
Żagħżugħ, jekk dawn il-karateristiċi ma jiġukx naturali, dabbar rasek u għamel xi ħaġa oħra. Ftit hemm eċċezzjonijiet għal li ktibt.