X’Ifisser is-Survey tal-Malta Today

Minn Osservatur Politiku

F’soċjetà demokratika bħalma hi Malta, il-politika għandha tkun strument li jsaħħaħ lill-poplu, mhux li jiddominah. U madankollu, ħafna nies illum iħossu li l-politika qiegħda f’idejn il-ftit jiġifieri ta’ min għandu l-influwenza, ir-riżorsi jew il-kuntatti. Naħseb li din hija l-konklużjoni li toħroġ mis-survey.

Hawnhekk tidħol il-ħtieġa għal politika ġdida, politika li terġa’ tagħmel il-persuna ċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni pubblika li tfisser il-politika tan-nies. Naħseb li dan hu dak li verament iridu n-nies. Jekk esponenti miż-żewġ naħat hekk tkellmu fuq ir-riżultat ta’ dan is-survey.

Din il-politika l-ġdida ma tistax tkun biss bidla ta’ stil jew ta’ tmexxija. Trid tkun rivoluzzjoni fil-mentalità. Għandna bżonn kultura politika li tisma’ tassew, li tħares lejn il-ħtiġijiet ta’ dawk li m’għandhomx leħen, u li ma tħallix il-prijoritajiet tagħha jiġu ddeterminati mill-interessi kummerċjali jew il-logħob tal-immaġni. Il-politika tan-nies tfisser tmur lura lejn il-valuri essenzjali, ġustizzja, trasparenza u solidarjetà. In-nies qed jgħidu li jridu politika li tmur lejn l-għeruq.

Malta għaddiet minn żmien ta’ tkabbir ekonomiku impressjonanti, imma dan it-tkabbir ma ġabx dejjem prosperità għal kulħadd. Hemm min sar aktar sinjur, imma hemm ukoll ħafna li jħossu li tħallew lura. Politika tan-nies tfisser li tkejjel is-suċċess mhux biss bil-PGD jew bin-numri tal-impjiegi, imma bil-kwalità tal-ħajja, il-benesseri emozzjonali u l-opportunitajiet reali li jkollhom il-familji u ż-żgħażagħ biex jibnu ħajja stabbli.

Din il-viżjoni titlob parteċipazzjoni demokratika ġenwina mhux il-vot kull ħames snin biss, imma involviment kontinwu tal-komunitajiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-poplu għandu jkun attur, mhux spettatur. Il-parteċipazzjoni ċivika, il-konsultazzjoni pubblika u l-kontabbiltà għandhom isiru parti naturali mill-mod kif naħsbu l-politika. Meta l-poplu jħossu parti mis-soluzzjoni, mhux biss mill-problema, l-istituzzjonijiet isiru aktar leġittimi u b’saħħithom.

Imma politika tan-nies mhijiex biss fuq l-istrutturi imma hija wkoll fuq l-attitudni tal-politiċi nfushom. Jeħtieġ li jkollna umilta’ politika li tiftakar li s-servizz pubbliku hu propju servizz, mhux privileġġ. Il-politiċi għandhom jerġgħu jsiru eżempju ta’ integrità u sens ta’ dover, mhux ta’ arroganza jew qligħ personali. Meta l-poplu jara li l-mexxejja tiegħu jaġixxu b’ġenwinità, il-fiduċja terġa’ tinbena.

Il-politika tan-nies tfisser ukoll viżjoni fit-tul, politika li ma taħsibx biss fil-voti, imma fil-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Fost il-kwistjonijiet li jitolbu dan l-approċċ hemm il-kriżi ambjentali, is-sostenibbiltà ekonomika, l-edukazzjoni u l-ġustizzja soċjali. Dawn huma oqsma fejn il-poplu jistenna tmexxija b’għaqal u kuraġġ, mhux b’populiżmu.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika tan-nies hija dik li tibda minn taħt, mhux minn fuq, minn kull familja, minn kull komunità, minn kull ċittadin li jemmen li t-tibdil veru jibda meta kulħadd jieħu sehem. Pajjiż żgħir bħalma hu Malta għandu l-potenzjal li juri li l-politika umana, ġusta u miftuħa mhux biss possibbli, imma meħtieġa.

U forsi dakinhar, il-kelma politika ma tibqax tfakkarna f’diżappunt jew firda, imma fil-possibbiltà vera ta’ pajjiż aħjar għal kulħadd.

One thought on “X’Ifisser is-Survey tal-Malta Today

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading