Il-Fast Ferry ta’ Marsascala

Minn osservatur politiku
Il-Gvern nieda proġett ġewwa Marsascala ta’ fast ferry. Mhux ser nidħol fil-mertu jekk il-gvern għandux jagħmel proġett bħal dan jew le. Imma dak li hemm inkwetanti li dan il-proġett ġie mniedi mingħajr ma l-Iskallin ingħataw informazzjoni bażika dwaru. Din mhijiex kwistjoni sempliċi ta’ trasport jew infrastruttura imma hija kwistjoni ta’ rispett lejn iċ-ċittadini, ta’ dritt għall-informazzjoni u ta’ governanza trasparenti.
Filwaqt li t-trasport marittimu għandu potenzjal kbir biex joffri alternattiva għall-konġestjoni fit-toroq, il-mod kif dan il-proġett qed jiġi mbuttat ’il quddiem iqajjem ħafna mistoqsijiet serji. L-Iskalin, li se jkunu l-aktar affettwati, qed jiġu mitluba jaċċettaw bidla sostanzjali fil-port tagħhom mingħajr studji dettaljati dwar l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi.
Dak li jissejjaħ bħala fast ferry donnu sar ukoll fast decision li tfisser deċiżjoni mgħaġġla, nieqsa minn konsultazzjoni u minn diskussjoni pubblika serja. Il-proġett, li hu maħsub biex jgħaqqad lil Malta u Għawdex b’mezzi aktar effiċjenti, ma jistax jitwettaq min wara dahar il-komunita’ li tgħix u taħdem fl-istess żona.
Il-Gvern jidher li qed jinjora l-prinċipju bażiku ta’ parteċipazzjoni pubblika. Jekk il-proġett hu tajjeb u ta’ benefiċċju, għaliex qed jinħbew d-dettalji? Għaliex ma ġewx ippubblikati l-istudji tal-impatt, il-kuntratti, jew anke l-analiżi ekonomika li tispjega min se jgawdi u min se jħallas?
Meta l-pubbliku ma jingħatax informazzjoni, jibda jissuspetta li hemm xi ħaġa x’taħbi. U sfortunatament, f’Malta, l-esperjenza tal-passat bil-proġetti pubbliċi tagħti raġun lil min hu xettiku.
L-akbar tħassib tal-Iskalin hu li dan il-proġett ma jsirx għall-komunita’. Kull min jgħix jew jaħdem fiż-żona jaf kemm hu delikat l-bilanċ bejn l-attività ekonomika, it-turiżmu u l-ħajja ta’ kuljum tar-residenti. Il-fast ferry jista’ jkun ta’ ġid jekk isir b’għaqal, iżda jista’ jsir ukoll piż jekk ikun proġett mibni fuq interessi kummerċjali li jinjora l-ħtiġijiet reali tan-nies.
Meta l-Gvern jiddeċiedi li jġib il-proġett mingħajr konsultazzjoni pubblika, ikun qed juri li l-opinjoni tal-poplu ma tagħmilx differenza. Dak mhux tmexxija, dak hu kontroll minn fuq.
U jekk min qed imexxi għandu fiduċja fil-proġett, għandu jkun lest juri kollox, min qed jiffinanzja, x’inhuma l-kundizzjonijiet u kif se jiġu protetti l-interessi tar-residenti u tal-ambjent.
Din is-sitwazzjoni tfakkar f’ħafna każijiet oħra fejn il-proġetti infrastrutturali ġew imposti fuq komunitajiet sħaħ mingħajr studji jew konsultazzjoni. Kull darba li jiġri hekk, il-konsegwenza tkun dejjem l-istess, rabja, sfiduċja, u sens ta’ impotenza fost in-nies.
Il-proġetti pubbliċi m’għandhomx ikunu eżerċizzju ta’ propaganda. Jekk verament il-Gvern jemmen fil-proġett tal-fast ferry, għandu jikxef il-karti kollha, jisma’ lill-Iskalin, u juri li l-proċess mhux imħaddem minn pressjoni politika jew kummerċjali.
Il-proġett tal-fast ferry għandu potenzjal li jkun ta’ ġid. Iżda mingħajr trasparenza, kull proġett jista’ jsir suspettuż. Meta l-Gvern jippretendi li n-nies jaċċettaw deċiżjonijiet mingħajr informazzjoni, ikun qed juri nuqqas ta’ rispett lejn il-poplu li suppost qed iservi.
Il-poplu Malti u Għawdxi m’għandux problema mal-progress imma għandu problema mal-misteru. U jekk il-Gvern ma jifhimx dan, allura l-fast ferry jista’ jasal malajr, imma il-fiduċja tan-nies fi tmexxija onesta se tibqa’ iddubitata.

Vote to the locals “only” whether yes or no to the project.
Halluhom ha jfittxu jlestu l-proġett