Il-Mekkaniżmu tal-COLA Għandu Jkun Rivedut Għaliex Ma Jirriflettixi Verament l-Għoli tal-Ħajja f’Pajjiżna

Minn osservatur politiku

Is-sena d-dieħla l-ħaddiema Maltin u Għawdxin se jirċievu żieda fil-COLA ta’ €4.66 fil-ġimgħa, l-inqas żieda li ngħatat f’dawn l-aħħar snin wara perjodu ta’ inflazzjoni qawwija. Il-Gvern ippreżenta din iż-żieda bħala sinjal li l-prezzijiet qed jistabbilizzaw, iżda ħafna jaħsbu mod ieħor. Għal ħafna familji, €4.66 tfisser inqas minn kartuna ħalib u ftit ħobż fil-ġimgħa.

Dan il-fattur ġab miegħu diskussjoni nazzjonali dwar kemm il-mekkaniżmu tal-COLA għadu jservi l-għan tiegħu. Għax filwaqt li l-għan oriġinali kien li jipproteġi l-pagi mill-effett tal-għoli tal-ħajja, illum ħafna jarawh bħala formola li tilfet ir-rabta mar-realta’ soċjali.

Il-Gvern sostna li l-formula tal-COLA hija oġġettiva li tkejjel il-medja tal-inflazzjoni fuq basket ta’ prodotti u servizzi. Imma l-familji qed jgħidu li dak li jħossu huma fil-but ma jaqbilx mal-istatistika.

Fuq il-karta, l-inflazzjoni naqset. Imma fil-ħajja ta’ kuljum, il-kera, il-ħalib, il-laħam, u l-mediċini baqgħu jogħlew. Għal ħafna nies, il-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali qed jogħlew b’rata ferm ogħla minn dik uffiċjali. Allura, filwaqt li l-istatistika tgħid 2% inflazzjoni, il-ħaddiem jħoss 10%.
Kif qal ħaddiem f’intervista mal-midja, ‘Jgħiduli li se nieħu €4.66 fil-ġimgħa żejda, meta l-kirja fejn noqgħod dejjem tiela. Dak x’jiswa?’ Din is-sitwazzjoni tpoġġi mistoqsija kruċjali, jekk il-mekkaniżmu tal-COLA jkejjel il-prezzijiet, imma mhux il-ħajja vera, x’valur għandu tassew?

L-istituzzjonijiet ekonomiċi f’Malta ilhom isostnu li l-COLA ma tistax tibqa’ formula statika, speċjalment f’ekonomija miftuħa bħal tagħna. Illum, il-familja tipika Maltija tħallas aktar għal kirja, ikel, trasport u kura tat-tfal milli fi kwalunkwe żmien ieħor.

Żieda ta’ €4.66, jiġifieri madwar €242 fis-sena, tfisser li ħaddiem b’paga minima se jibqa’ ’l bogħod ħafna mill-livell ta’ għajxien deċenti. Il-Caritas diġà wriet li biex familja tgħix b’mod bażiku, trid aktar minn €15,000 fis-sena, ħafna aktar milli joffru l-pagi baxxi anke bil-COLA inkluża.

Il-Gvern jinsisti li l-COLA għandha tibqa’ mekkaniżmu kollettiv u prevedibbli, jiġifieri li kulħadd jieħu l-istess żieda, biex ma toħloqx tensjoni soċjali. Iżda diversi unions qed jitolbu sistema differenzjata li tagħti aktar lil min għandu dħul baxx u inqas lil min għandu pagi għoljin.

Min-naħa l-oħra, min iħaddem qed iwissi li kull żieda fil-pagi awtomatikament tpoġġi piż addizzjonali fuq in-negozji żgħar, li diġa’ qed jiffaċċjaw spejjeż għoljin. Għalhekk, dawn l-istess assoċjazzjonijiet jitolbu li l-COLA ma tkunx biss żieda fil-paga, iżda parti minn strategija ekonomika usa’ li tinkoraġġixxi produttivita’ u investiment f’ħiliet.

Diversi esperti qed jissuġġerixxu li l-COLA tiġi aġġornata biex tqis mhux biss il-prezzijiet, imma wkoll il-piż reali fuq familji vulnerabbli. Eżempju jista’ jkun mekkaniżmu gradwali, fejn min jaqla’ inqas minn €20,000 fis-sena jieħu żieda akbar, u min jaqla’ paga ogħla jieħu proporzjonalment inqas.

Dan il-mod, is-sistema tkun aktar ġusta u tgħin fil-ġlieda kontra l-faqar li qed jiżdied fost ħaddiema b’pagi baxxi. Kif qalet union reċenti, ‘Mhux se nsolvu l-problema tal-għoli tal-ħajja b’€4.66. Irridu mekkaniżmu li jħoss id-differenza fejn hemm bżonn’.

Il-COLA kienet simbolu ta’ ġustizzja soċjali fil-bidu tagħha li kien mekkaniżmu li jipproteġi lill-ħaddiem. Imma llum, ħafna jarawha bħala ċifra simbolika fuq il-pagi, mhux soluzzjoni għall-problemi ta’ vera.

Żieda ta’ €4.66 fil-ġimgħa ma tistax tkopri l-andament tal-ħajja moderna, minn mortgage sa ħlas tat-tfal, minn kontijiet għal kirja. Għalhekk, il-mistoqsija hi waħda, meta se jkollna sistema li tassew tkejjel il-ħajja, mhux il-formoli? Għax sakemm ma nindirizzawx il-problema fil-qiegħ jiġifieri l-ispiża reali tal-għixien, il-COLA tibqa’ faxxa fuq ferita li qed tgħatti imma mhux tfejjaq.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading