Tkabbir Ekonomiku Għal Min?

Minn osservatur politiku
Wara l-Budget, Malta terġa’ tidħol fi żmien ta’ riflessjoni dwar fejn sejra l-ekonomija tagħha. Waqt li n-numri juru tkabbir u stabbilta’ relattiva, il-mistoqsijiet li ħafna qed jistaqsu huma sempliċi imma essenzjali, tkabbir għal min? U fuq xiex hu mibni dan it-tkabbir?
Għall-aħħar snin, il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna kien ibbażat fuq espansjoni kontinwa tas-suq tax-xogħol, b’ħaddiema barranin li kull sena jiġu f’eluf biex iżommu s-setturi ewlenin jimxu. Kien mudell li, għal xi żmien, ħadem għax ipprovda l-flessibbilta’ u r-riżorsi li Malta kellha bżonn biex iżżomm rata ta’ tkabbir għolja u toħloq impjiegi ġodda. Imma bħal kull mudell mibni fuq kwantita’, mhux kwalita’, qed nibdew naraw is-sinjali tal-għejja.
Ekonomija li tiddependi fuq ‘cheap labour’ tista’ tagħti riżultati fuq żmien qasir, imma twassal għal pressjoni dejjem tikber fuq is-servizzi pubbliċi, il-prezzijiet tal-proprjeta’, u l-kwalita’ tal-ħajja. Meta kull tkabbir ikun ibbażat fuq li jidħlu aktar nies biex jaħdmu f’pagi baxxi, fl-aħħar mill-aħħar kulħadd iħallas il-prezz fejn naraw li l-ħaddiema Maltin jgħaddu minn esperjenzi fejn il-pagi tagħhom ma jiżdidux, il-familji li jħossu l-ispejjeż jogħlew u l-komunitajiet li jitilfu l-bilanċ soċjali tagħhom.
Ma jistax ikun li pajjiż modern, b’riżorsi limitati ta’ art u infrastruttura, jibqa’ jikber fuq dan il-mudell. Il-futur irid ikun ibbażat fuq ekonomija ta’ kwalita’, mhux ta’ kwantita’, waħda li toħloq valur miżjud permezz ta’ ħiliet, innovazzjoni, edukazzjoni u produttivita’. L-edukazzjoni trid terġa’ tkun fiċ-ċentru tal-politika ekonomika mhux biss bħala sistema ta’ tagħlim, imma bħala magna ta’ kreattivita’ u ħsieb kritiku.
L-industriji li Malta għandha bżonn jissaħħu huma dawk li jistgħu joffru pagi ogħla u xogħol b’valur għoli, fit-teknoloġija diġitali, fir-riċerka medika, fis-settur ambjentali, u fl-ekonomija ċirkolari. Dawn l-oqsma mhux biss jagħmlu ġid ekonomiku, imma joħolqu kultura ta’ innovazzjoni li tgħin lil pajjiżna jżomm ruħu kompetittiv fi żmien fejn il-bidla globali qiegħda tiġri b’pass mgħaġġel.
L-istess, għandna bżonn nirrevedu l-idea ta’ tkabbir bla limitu. Tkabbir sostenibbli ma jfissirx li kull sena rridu nkunu akbar, imma li nkunu aħjar. Li niżguraw li dak li qed nikbru bih ma jkunx qed inaqqas il-kwalita’ tal-ħajja tagħna jew iħalli lill-ġenerazzjonijiet futuri jħallsu l-kont.
Il-Budget jista’ jkun għodda għal bidla jekk jiġi wżat b’viżjoni fit-tul. Dan ifisser li rridu investiment f’politiċi li jippremjaw il-produttivita’, mhux biss il-preżenza fiżika. Li nħeġġu lill-kumpaniji joffru taħriġ, flessibilita’ u opportunitajiet ta’ karriera, mhux biss pagi minimi u xogħol temporanju.
Għal Malta, il-bidla ma tistax tkun biss ekonomika. Trid tkun kulturali wkoll. Irridu nbiddlu l-mod kif nifhmu x’inhu suċċess. Mhux biżżejjed li l-PGD jikber, irid jikber ukoll is-sodisfazzjon tan-nies, il-fiduċja fis-sistema u s-sens ta’ ġustizzja soċjali. Pajjiż jgħid li qed jimxi ’l quddiem biss meta l-familji jħossu li għandhom ċans veru jgħixu ħajja ta’ dinjita’, mhux meta l-istatistika tkun sabiħa fuq il-karta.
Għalhekk, wara l-Budget, irridu nistaqsu mhux biss x’se jinbidel is-sena d-dieħla, imma x’se jinbidel fil-mod kif naħsbu dwar l-ekonomija tagħna.
Il-veru progress ma jiddependix fuq kemm nies qed jaħdmu, imma fuq kemm il-ħidma tagħhom qed tagħmel sens għalihom, għall-familji tagħhom u għall-pajjiż kollu.
