Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-PN

Minn osservatur politiku

Kull sena, bħalma ġara nhar il-Ħadd, il-Partit Nazzjonalista jorganizza maratoni ta’ ġbir ta’ fondi li jiġbru eluf ta’ ewro mingħand il-partitarji u ċ-ċittadini li għadhom jemmu fil-valuri tiegħu. Dawn l-avvenimenti jsiru b’ħeġġa, mużika u kliem ta’ kuraġġ, iżda kull darba tqum l-istess mistoqsija: fejn qed imorru dawn il-flus kollha?

M’hemmx dubju li kull partit politiku jeħtieġ fondi biex jopera. Iżda fil-każ tal-Partit Nazzjonalista, partit li ilu jitkellem fuq trasparenza, governanza tajba u kontabbiltà, in-nies għandhom id-dritt ikunu jafu b’ċarezza fejn eżattament qed imorru dawn il-flejjes, meta tqis li d-dejn dejjem qed jikber u donnu ma qed jonqos qatt. Il-partitarji li jagħtu donazzjoni mhux qed jiffinanzjaw avveniment, imma qed jiffinanzjaw proġett politiku, viżjoni li suppost tirrappreżenta alternattiva serja għall-gvern eżistenti.

Minn dak li hu magħruf pubblikament, porzjon mill-flus imur għall-ħidma amministrattiva tal-partit, għall-istazzjonijiet tal-media tiegħu (Net TV u Net FM), għall-kampanji, u għall-ħlasijiet ta’ ħaddiema u servizzi relatati. F’dawn l-aħħar snin, ġie wkoll deċiż li perċentwal żgħir jmur għal skop soċjali, bħal fil-każ tal-aħħar maratona, fejn 1% mill-fondi ngħata lil NGOs fis-saħħa mentali. Dan hu pass pożittiv, imma mhux biżżejjed biex iwieġeb il-mistoqsija essenzjali, kif qed jintefqu l-flus b’mod trasparenti?

Il-Partit Nazzjonalista ilu jsofri pressjoni finanzjarja kbira. Ħafna jafu li għandu djun li ilhom jakkumulaw snin twal, u li l-maratoni suppost huma wkoll mezz biex dawn jitħallsu. Imma l-poplu li jagħti €10 jew €100 irid ikun jaf li qed jgħin lill-partit jieħu n-nifs, mhux biex jgħatti t-telf finanzjarju bla strateġija. Il-partitarju jrid jara riforma serja, organizzazzjoni moderna, strutturi trasparenti, u mekkaniżmi ta’ responsabbiltà fejn kull ewro jingħata kont tiegħu.

Din mhijiex kritika kontra l-ġbir ta’ fondi, li hu parti normali f’demokrazija, iżda kontra nuqqas ta’ kontabilità pubblika. Jekk il-Partit Nazzjonalista irid verament juri li hu gvern alternattiv, għandu jibda jagħti eżempju, jippubblika kemm jista’ jkun malajr ir-rapporti finanzjarji dettaljati, jispjega kif jintefqu l-flus u jassigura li d-donazzjonijiet ma jmorru qatt f’idejn l-istess ftit.

Il-fiduċja politika tibda minn affarijiet żgħar u meta l-poplu jifhem li l-partit hu serju f’dak li jmiss il-but tiegħu, allura jemmen li jkun serju wkoll fil-ġestjoni tal-pajjiż. Għalhekk, jekk il-Partit Nazzjonalista verament jemmen fil-prinċipji li jħabbar, trasparenza, governanza u kontabbiltà, għandu jibda japplikhom fuqu nnifsu.

One thought on “Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-PN

  1. Ghogbitni din “jispjega kif jintefqu l-flus u jassigura li d-donazzjonijiet ma jmorru qatt f’idejn l-istess ftit.”

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading