L-Ambjent Kulturali

Minn Osservatur Politiku
Meta nitkellmu fuq l-ambjent f’Malta ħafna drabi l-konversazzjoni ddur fuq l-art agrikola, il-baħar u l-bini bla rażan. Iżda ftit li xejn nitkellmu fuq l-ambjent kulturali, jiġifieri l-elementi li jagħtu lill-gżejjer tagħna identità unika jiġifieri l-bliet u l-irħula storiċi, il-wirt arkitettoniku, it-tradizzjonijiet u l-valuri soċjali li jgħaqqdu lill-komunitajiet. Dawn ukoll huma parti mill-ambjent, iżda illum qegħdin dejjem aktar taħt theddida.
F’dawn l-aħħar snin rajna żieda sproporzjonata fil-proġetti ta’ bini, torri wara torri, bini ta’ appartamenti fejn darba kien hemm djar tradizzjonali, u konverżjoni ta’ bini storiku f’investimenti kummerċjali. Eżempji ċari jinkludu l-qerda ta’ djar bi stil tradizzjonali biex jagħmlu spazju għal lukandi jew blokkok ta’ appartamenti bla karattru. Anke f’żoni ta’ konservazzjoni urbanistika, ir-regoli spiss jiġu mgħoddija jew imġebbda biex iħallu spazju għal żvilupp li jagħti aktar qligħ mil-valur kulturali. B’dan il-mod, mhux biss qed nitilfu arkitettura unika, imma wkoll il-karattru ta’ rħula u bliet li jagħmlu lil Malta differenti minn pajjiżi oħra.
L-ambjent kulturali mhuwiex biss il-bini jew il-monumenti, iżda wkoll il-ħajja soċjali. Il-komunitajiet Maltin kienu magħrufa għall-qrubija, għal ħajja fejn il-festa, il-banda u l-knisja kienu ċ-ċentru. Illum, żvilupp urban intensiv qed iħassar dan il-mod ta’ għajxien. Meta rħula żgħar jitbiddlu f’appartamenti residenzjali mpersonali, il-komunitajiet jitilfu r-ruħ tagħhom. Il-kultura tal-banda u l-festi qed issir aktar kompetizzjoni ekonomika milli tradizzjoni reliġjuża jew soċjali. Il-bidla ekonomika u l-pressjoni taż-żmien modern qed iħallu impatt dirett fuq il-valuri u l-prattiċi kulturali tagħna.
Il-problema ma hijiex biss tal-iżviluppaturi, iżda wkoll ta’ politika li tqis l-iżvilupp bħala għan fih innifsu. Il-messaġġ spiss ikun: iktar bini jfisser iktar tkabbir ekonomiku. Imma l-mistoqsijiet jiġu waħedhom, it-tkabbir għal min? U a spejjeż ta’ min? Ambjent kulturali li jintilef ma jistax jinxtara lura. Meta d-djar tradizzjonali jitwaqqgħu jew meta rħula jitilfu l-karattru tagħhom, il-ġenerazzjonijiet futuri jitilfu wkoll sens ta’ identità.
Ejja ma ninsewx li l-ambjent kulturali Malti għandu wkoll dimensjoni internazzjonali. Postijiet bħall-Belt Valletta, Mdina u l-Ġgantija huma wirt dinji. Imma x’valur għandu l-UNESCO jew il-promozzjoni tat-turiżmu jekk, barra minn dawn iż-żoni magħrufa, il-bqija tal-pajsaġġ kulturali jitħassar? It-turist li jiġi jżur mhux biss irid monumenti sbieħ, imma wkoll iħoss atmosfera unika, rħula ħajjin, toroq tradizzjonali, kultura ħajja. Jekk dawn jintilfu, Malta ssir destinazzjoni uniformi bħal kull oħra.
Hemm bżonn ta’ qafas politiku ġdid li jqis l-ambjent kulturali bħala parti fundamentali mis-sostenibbilità. Żvilupp bla rażan li jqis biss il-qligħ immedjat qed jiekol is-sisien tal-identità tagħna bħala poplu. It-tkabbir ekonomiku għandu jkun f’armonija mal-kultura u mal-istorja. Inkella, inkunu qed nibnu fuq ir-ramel u filwaqt li forsi nġibu qligħ temporanju, fil-futur insibu ruħna b’pajjiż uniformi, bla identità u bla spirtu. Il-mistoqsija mhijiex jekk irridux żvilupp jew le. Il-vera mistoqsija hi, x’pajjiż ser nħallu lil ġenerazzjonijiet ta’ warajna ?
