Il-Proċess tal-Elezzjoni ta’ Kap u l-Għadd tal-Voti: Quo Vadis ir-Reġjonalità fl-Istatut PN 2020?

Minn Hermann Farrugia

Kull laqgħa jew kuntatt mal-votant – tkun elezzjoni ġenerali, elezzjoni parlamentari Ewropea, elezzjoni lokali jew anke votazzjoni interna tat-tesserati – għandu jitqies bħala element ta’ valur kbir, mhux biss għall-Kummissjoni Elettorali (ELCOM) iżda wkoll għall-kontendenti nfushom. Dawn l-okkażjonijiet huma meħtieġa mhux sempliċement biex tiġi analizzata r-raġuni għaliex xi familji jagħżlu li jastjenu u jibqgħu d-dar, iżda wkoll sabiex jiġu studjati x-xejriet demografiċi ta’ dawk li jiddeċiedu li jesprimu l-preferenza tagħhom.

Minkejja dan, il-proċeduri adottati fl-elezzjoni tal-Kap ftit li xejn ippermettew li tinġabar data li tkun statistikament valida u li tipprovdi bażi soda għal sampling preliminari tal-preferenzi tal-votanti. Dan wassal ukoll biex tonqos l-utilità ta’ dawn l-informazzjonijiet għal xi użu elettorali futur mill-kontestanti nfushom.

Eżempju ċar ta’ din il-problematika kien il-fatt li, għal raġunijiet ta’ kumdità, kull tesserat seta’ jivvota f’kull post tal-votazzjoni, anke jekk dan ma kienx dak indikat fuq id-dokument tal-vot. Konsegwentement, il-kaxxi tal-votazzjoni f’lokalitajiet differenti (DC Pietà, Sannat, Tarxien, Safi u Mġarr) ma setgħux b’ebda mod jiġu abbinati mar-reġjun jew id-distrett elettorali tal-votant. Dan ifisser li ma kienx possibbli li jiġi rifless l-appoġġ individwali miksub minn kull kontestant skont ir-reġjonalità tal-elettorat, kif normalment ikun dokumentat fir-reġistru elettorali uffiċjali.

Barra minn hekk, l-għażla li l-votazzjoni ssir f’erba’ każini biss, apparti d-Dar Ċentrali, u mhux fi ħdan kull reġjun elettorali, eliminat il-possibbiltà li l-preferenzi tal-votanti jiġu marbuta ma’ gruppi elettorali speċifiċi. Dan ikkawża telf ta’ indikazzjoni importanti dwar l-appoġġ reġjonali mogħti lill-kandidati. Dan kollu jirriżulta partikolarment sinifikanti jekk wieħed iqis li l-istatut il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista jisħaq b’mod ċar fuq l-importanza tal-organizzazzjoni u tal-ħidma fuq livell reġjonali.

Proċedura oħra li qajmet diskussjoni kienet dik adottata waqt l-għadd tal-voti. Wara li nfetħu l-kaxxi individwalment biex isir ir-rikonċiljar numeriku tal-polż mal-listi tal-eletturi li effettivament ivvutaw, il-polż minn kull kaxxa tħalltu intenzjonalment qabel ma tqassmu f’pakketti separati ta’ ħamsin. Kien biss wara dan il-pass li beda s-sorting skont l-għażla tat-tesserati. Din il-proċedura eliminat kull possibbiltà li tiġi identifikata xi xejra demografika jew indikazzjoni reġjonali tal-votanti fir-rigward tal-għażla tal-Kap il-ġdid tal-Partit.

Hemm min jista’ jargumenta li mhix għaqli jew opportuna r-rivelazzjoni ta’ liema reġjuni appoġġaw b’mod aktar qawwi lill-Kap elett. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, din hija telfa serja. Dan għaliex sabiex tissaħħaħ l-għaqda interna tal-partit, iż-żewġ deputati li kienu kontestanti issa jkollhom bżonn iwettqu outreach ta’ natura kunċiljattiva, immirat b’mod aktar dirett lejn dawk ir-reġjuni fejn irriżulta li kellhom inqas appoġġ jew simpatija personali mit-tesserati.

Imma din l-opportunita’ tad-deheb issa ntilfet.

2 thoughts on “Il-Proċess tal-Elezzjoni ta’ Kap u l-Għadd tal-Voti: Quo Vadis ir-Reġjonalità fl-Istatut PN 2020?

  1. Ma kienx emm zballji, lanqas nuqqas ra hsieb, u lanqas tr, traskuragni, ma kiens emm nuqqas ta profesjonalita. kollus kien mahsub u intenzjonat. Dawn in-nies qatt ma tista tafdhom.

    1. Nafdaw lilkom mela insejt l-Elezzjoni tal Kap tal MLP bekn Alfred Sant Hu Alla jahfirlu Lino Spiteri .

Leave a Reply to saviour stivalaCancel reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading