Għaliex l-EU mhux qed tikkritika bl-istess sħaħa lil Israel bħal ma tikkritika lir-Russja?

Minn Edwin Vassallo

Illum l-U.E. għaddejja minn siegħa kerha meta minn demokrazija qed isir reġim totalitarju.

Fl-U.E. id-demokrazija qed tiddgħajjef, id-demokrazija u l-libertà li kellha l-għajta tal-poplu qed issir aktar u aktar ħakma fuq l-istess għajta tal-poplu.

L-U.E. li kienet maħluqa biex tiggarantixxi l-paċi u tissaħħaħ id-demokrazija spiċċat forza politika li qed tiddefendi l-paċi kif jaqbel l-interessi tagħha. Pereżempju, llum l-U.E. qed tiġi kritikata li dik l-oppożizzjoni u s-sanzjonijiet li għamlet kontra Russja minħabba l-gwerra ġewwa l-Ukrajna ma sarux ma’ Iżrael fil-gwerra tiegħu kontra l-Palestinjani.

Fil-konfront tal-ġenoċidju tal-Palestinjani, l-U.E. mhux tagħmel kritika bħalma tagħmel ma’ Russja.

L-istess U.E. mhux tieħu azzjoni kontra t-Turkija għall-ħakma tagħha fuq nofs Ċipru.

Bl-istess mod, l-istess U.E. qed tipprova sissiket u ġġib fix-xejn politiċi li ma jaqblux mal-politika tagħha kif dettata u deċiża mill-PPE u mis-Soċjalisti fl-istess U.E., ladarba huma l-akbar żewġ partiti politiċi fl-U.E. li għandhom l-akbar numru ta’ membri parlamentari fil-Parlament Ewropew. L-istess qed jiġri fil-każ ta’ AfD fil-Ġermanja, Le Pen fi Franza, Orban fl-Ungerija, u qed jiġri l-istess lil Georgescu fir-Rumanija. Kemm l-AfD, Le Pen, Orban u Georgescu qed isibu reżistenza u oppożizzjoni mill-U.E. għaliex, skont l-U.E., dawn il-forzi politiċi huma perikolużi għad-demokrazija.

Illum, għad-demokrazija tal-U.E., il-politiku jista’ jibqa’ jeżisti biss jekk jaqbel mal-politika li taqbel għall-istess U.E. Din hija llum forma oħra ta’ dittatura li fiha nnifisha qed issir perikoluża għan-nies tal-U.E.

Illum, l-AfD fil-Ġermanja, Le Pen fi Franza, Orban u Georgescu qed juru politika li titlob riformi fit-tmexxija tal-istess U.E., iżda bħal kull politiku li jrabbi l-gosti fuq il-poter, l-U.E. ma tridx li jkollha min ma jaqbilx magħha.

Fejn l-U.E. ħadet il-ħajja biex ma tippermettix li fl-U.E. ikun hemm dittatura, l-istess U.E. qed tispiċċa dittatura fuq min ma jaqbilx magħha.

Il-periklu hu li f’pajjiżna qed nittieħdu minn dan il-velenu u qed naraw ċensura sottili fuq min ma jaqbilx mal-politika liberali, f’dan ir-rigward iżda l-kbir għadu ġej.

Nittama biss li l-U.E. tiftaħ għajnejha u tintebaħ li n-nies huma sovrani wkoll u d-dittatura mhijiex għal qalb ħadd.

2 thoughts on “Għaliex l-EU mhux qed tikkritika bl-istess sħaħa lil Israel bħal ma tikkritika lir-Russja?

  1. 17-il Pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja u zero kontra Iżrael.

Leave a Reply to Political ObserverCancel reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading