Il-Ħaddiema Korrettivi Jkomplu Jesprimu Diżappunt Kontinwu fuq il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol
Nuqqas ta’ Progress fil-Ftehim Kollettiv
Minkejja li l-azzjonijiet industrijali ġew sospiżi biex il-ħaddiema ma jibqgħux jaħdmu ħafna sahra, il-ħaddiema korrettivi għadhom qed jesprimu frustrazzjoni kbira minħabba n-nuqqas ta’ moviment fin-negozjati għall-ftehim kollettiv il-ġdid. Dan ġie konfermat permezz ta’ rapport f’The Times.
Għalkemm kien hemm indikazzjonijiet li l-affarijiet setgħu javvanzaw, s’issa ma jidher l-ebda progress konkret, u dan qed iżid it-tensjoni fost il-ħaddiema.
Il-ħaddiema kienu qed jistennew li l-ftehim kollettiv jitlesta fi żmien qasir, iżda għadhom jistennew mingħajr ma jingħataw dettalji ċari dwar meta u kif se jingħalaq dan il-proċess, minkejja li kienu jafu li kien ser jiskadi. Din is-sitwazzjoni qed toħloq sens ta’ nuqqas ta’ sigurtà dwar il-futur tax-xogħol tagħhom, speċjalment meta jqabblu s-sitwazzjoni tagħhom ma’ dik ta’ korpi dixxiplinati oħra li kisbu ftehim aħjar, titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, u progress fil-karriera tagħhom.
Nuqqas ta’ Rikonoxximent: Promozzjonijiet, Midalji u Uniformijiet
L-uffiċjali korrettivi jinsistu li mhux biss il-kundizzjonijiet tagħhom mhumiex qed jitjiebu, imma lanqas qed jingħataw il-promozzjonijiet li suppost kienu mistennija. Għal ħafna minn dawn il-ħaddiema, il-promozzjonijiet huma kruċjali kemm biex ix-xogħol iebes tagħhom jiġi rikonoxxut kif ukoll biex ikunu jistgħu jiksbu paga u drittijiet aħjar.
Barra minn hekk, huma esprimew id-diżappunt tagħhom dwar kif lanqas il-midalji għall-Efficiency Service ma ġew mogħtija, minkejja li din hija prattika komuni fi korpi dixxiplinati oħra. Saħansitra, lanqas il-“vleġġeġ” distintivi (seniority badges) tal-uniformi ma ngħataw – ħaġa li ġiet interpretata bħala sinjal ta’ nuqqas ta’ rispett lejn il-kontribut tagħhom.
Fi żmien it-tmexxija ta’ Dalli, il-ħaddiema kienu stmati fuq dawn l-aspetti, imma issa, l-amministrazzjoni ssostni li l-priġunieri jistgħu jiġu fi kwalunkwe ħin waqt il-Fall In u jgħidulna li rapporti fuqhom jew l-ilmenti tagħna mhumiex veritieri.
Ħatriet u Pożizzjonijiet Għolja Mogħtija lil ‘Nies ta’ Barra’
Wieħed mill-akbar punti ta’ rabja fost l-uffiċjali korrettivi huwa l-mod kif qed isiru l-ħatriet fi ħdan il-korp/aġenzija. Huma jinnotaw li, filwaqt li huma jitħallew mingħajr promozzjonijiet jew titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom, qed jiġu impjegati nies oħra f’pożizzjonijiet għoljin – ħafna minnhom minn barra l-korp – bħall-pajżana, minflok ma jkun hemm investiment fl-uffiċjali diġà fis-servizz.
Dan qed joħloq sentiment ta’ inġustizzja, b’ħaddiema jisħqu li dawn il-ħatriet qed isiru abbażi ta’ relazzjonijiet personali u mhux skont il-mertu. Din is-sitwazzjoni mhux biss qed taffettwa l-moral tal-ħaddiema imma wkoll qed toħloq problema fit-tmexxija effettiva tal-ħabs, peress li dawn in-nies ġodda m’għandhomx esperjenza fis-settur korrettiv.
Wieħed faċli jikkonferma kemm postijiet f’karigi għolja qed jinfetħu għal nies ċivili, li ma għandhomx esperjenza fil-qasam u li mhux suppost jikkmandaw uffiċjali b’snin ta’ servizz warajhom.
Kundizzjonijiet tax-Xogħol li Jkomplu Jmorru għall-Agħar
Barra l-kwistjonijiet relatati mal-promozzjonijiet u l-ħatriet, il-ħaddiema qed jikkritikaw ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Fost il-problemi ewlenin li qed jaffaċċjaw hemm:
• Rilokazzjoni f’uffiċċji konġesti, fejn il-ħaddiema qegħdin jiġu stivati f’postijiet mhux adegwati u b’nuqqas ta’ kumdità u privatezza.
• Nuqqas ta’ apprezzament mit-tmexxija, minkejja r-responsabbiltajiet kbar li jġorru l-ħaddiema.
• Żieda fil-piż tax-xogħol minħabba nuqqas ta’ ħaddiema, li qed twassal biex il-ftit uffiċjali li hemm jispiċċaw jaħdmu taħt pressjoni kbira.
Attivitajiet u Riżorsi: Għall-Priġunieri Iva, Għall-Ħaddiema Le
Il-ħaddiema jinsabu urtati wkoll bil-mod kif qed jiġu allokati r-riżorsi. Skont l-ilmenti tagħhom, filwaqt li qed isiru ħafna investimenti għal titjib tal-faċilitajiet għall-priġunieri, l-uffiċjali jibqgħu mċaħħda minn faċilitajiet bażiċi, fosthom:
• Canteen f’kundizzjoni ħażina, mingħajr post fejn jistgħu jirrilassaw.
• Investiment eċċessiv f’attivitajiet għall-priġunieri, filwaqt li l-uffiċjali qed jitħallew mingħajr riżorsi adegwati għax-xogħol tagħhom.
Il-Ħaddiema Jitolbu Azzjoni Konkreta
Għalhekk, il-ħaddiema li resqu lejn dan is-sit jixtiequ li l-awtoritajiet jieħdu passi ċari biex jerġgħu jqiegħdu l-affarijiet fit-triq it-tajba qabel il-frustrazzjoni twassal għal azzjonijiet industrijali oħra.
