Żiedu t-tesserati tal-PN

Minn osservatur politiku

Tieħu pjaċir taqra fuq it-Times dak li qal is-segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li l-membri affiljati mal-Partit żdiedu sewwa. Tieħu pjaċir għax temmen li kull partit politiku għandu jkollu numru b’saħħtu ta’ sostenituri li jappoġġjawh kemm fi żmien feliċi kif ukoll fi żmien diffiċli.

Bħalissa l-Partit Nazzjonalista għandu r-riħ in poppa. Issa naraw jekk hemmx intelliġenza biżżejjed li jilgħab il-karti kollha sewwa biex ikollu riżultat sodisfaċenti fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Hemm bżonn strateġija tajba jekk dan il-Partit irid jasal li jieħu l-Gvern. S’issa mhux qed jiġi emmnut li huwa Gvern alternattiv.

Jidher mill-istħarriġ kollu li qed isir li hemm problema bil-Kap tiegħu. Dan qiegħed kull darba jaqta’ lura meta mqabbel mal-mexxej tal-Partit fil-Gvern. Imma wieħed jistaqsi jekk verament hemmx strateġija soda min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Qed naraw nuqqas kbir ta’ parteċipazzjoni minn diversi membri parlamentari f’isem dan l-istess partit.

Donnu hemm nuqqas ta’ ħeġġa. Donnu hemm nuqqas ta’ interess. Dan jirrifletti fuq id-dwejjaq li qed jinħass fost il-poplu fejn tidħol il-politika u fejn jidħol l-appoġġ għall-Partit Nazzjonalista. Għalkemm il-membri żdiedu xorta jibqa’ l-fatt li dan il-Partit qed ibati li jressaq lejh nies ta’ fehma pjuttost differenti minn tiegħu.

Biex jerbaħ l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista jrid ħafna iżjed voti min-numru ta’ sostenituri li għandu. Biex jerbaħ hemm bżonn li jattira lejh mijiet jekk mhux eluf minn dawk li tilfu l-interess fil-politika. Hemm bżonn li l-partit jibni strateġija biex jilħaq lil kulħadd. Xi ħaġa li s’issa hija nieqsa ħafna fil-Partit Nazzjonalista.

Fadal ftit ‘il fuq minn sentejn għall-elezzjoni ġenerali, jekk ma ssirx qabel. Il-Partit Nazzjonalista għandu jkun f’pożizzjoni li jgħarraf lill-poplu x’inhi l-viżjoni tiegħu għat-tmexxija politika tal-pajjiż. Għandu jkun f’pożizzjoni li jfiehem il-pożizzjoni tiegħu billi jelenka l-passi li beħsiebu jieħu biex b’hekk jikkonvinċi l-elettorat. Iż-żmien qed jagħfas u l-elettorat diġa qed jistudja s-sitwazzjoni politika taż-żewġ partiti l-kbar. Kull ġurnata li tgħaddi hija opportunita mitlufa. Kull kelma li toħroġ minn ħalq id-deputati għandha tkun biex jattira lejh aktar nies li jistgħu jwassluh biex jerbaħ il-maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali li ġejja.

5 thoughts on “Żiedu t-tesserati tal-PN

  1. ”Kull kelma li-tohrog min halq id-deputati (nazzjonalisti) ghanda tkun biex jatira lejh aktar nies”. ID-Deputati nazzjonalisti qat ma kienu u mumiex niqsin min dan, IL-Pproblema hi li hadd ma ghadu qiejed jeminhom.

  2. Il-problema hi li l-partit laburista qieghed jerga’ jimbotta n-nies taghhom lura! Saru wisq zbalji u difficli tirrangahom. U bhalma jghidu, min jghix bit-tama, imut bil-piena. U hekk qieghed jigri lilna l-laburisti.

      1. Opinjoni Saviour. Id-daqqa li ha l-PL fl-elezzjonijiet li ghaddew kienet qisha daqqa ta’ ponn fl-istonku. Mhux hadd ma stenniha, anzi kienet mistennija, imma mhux b’dik is-sahha. U t-tama ta’ rebha ohra qieghda kulma tmur issir izjed remota. U dan mhux jien biss qieghed inghidu. Is-surveys li saru wrew dan. U t-tnejn qablu, allavolja l-kliem kien miktub b’mod differenti, imma l-ispjegazzjoni hemm qieghda. In-numru ta’ dawk li mhux ser jivvutaw kompla jikber. Lahaq id-90,000!

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading