Is-Soċjeta’ Pro Malta Christiana tgħid li l-proposti tad-deputat Laburista Michael Farrugia dwar kwistjonijiet sensitivi huma attakk ieħor kontra l-liġi naturali u ċ-ċivilta’ Nisranija f’pajjiżna
Is-soċjeta’ Pro Malta Christiana ħarġet stqarrija biex tikkundanna l-proposti magħmula mid-deputat Laburista Michael Farrugia fuq kwistjonijiet etikament sensittivi. Dawn il-proposti ġew deskritti mis-soċjeta’ Pro Malta Christiana bħala attakk ieħor skandaluż kontra l-liġi naturali, il-ħajja umana u ċ-ċivilta’ Nisranija f’Malta.
Fl-istqarrija għall-istampa, is-soċjeta’ Pro-Malta Christiana qalet li ‘d-deputat Laburista Dr. Michael Farrugia ġie rrappurtat (Malta Today, 10 ta’ Lulju 2024) li ddikjara li l-parlament għandu jwaqqaf kumitati ad hoc biex jiddiskutu l-kwistjonijiet etikament sensittivi bħall-kiri tal-ġuf (jew “surrogacy”), l-abort, l-ewtanasja. u l-adozzjoni ta’ embrijuni ffriżati. Dr. Farrugia ġie kkwotat li qal li: “Wasal iż-żmien li l-Membri Parlamentari jisimgħu lill-esperti Maltin u barranin, u lill-poplu, sabiex jifformulaw politika f’dawn l-oqsma”. Mill-esperjenza ricenti, nafu għal xiex se jwasslu dawn l-inizjattivi proposti: leġiżlazzjoni aktar wiesgħa kontra d-dritt li titwieled ħajja umana, kontra id-dritt tal-ħajja tal-anzjani li huma fraġli u vulnerabbli u t-trattament kontinwu tal-embrijuni umani bħala merkanzija.
U dan kollu minbarra l-leġiżlazzjoni preżenti li diġà għamlet il-ħsara, u li għaddiet matul l-aħħar ħames snin. Fis-sena 2022, is-Soċjetà Maltija għaċ-Ċiviltà Nisranija – Pro Malta Christiana kienet wissiet lill-pubbliku Malti kontra l-liġi dwar l-iffriżar tal-embrijuni kienet se tiftaħ it-triq biex koppji infertili jikru finanzjarjament ġuf ta’ terza persuna bħallikieku kien inkubatur, bit-tarbija mwielda qatt ma tkun taf l-identita’ t’ommha vera. L-emendi li ddaħħlu taw lill-hekk imsejħa “Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni” maħtura mill-Gvern preżenti, is-setgħa li tiddeċiedi min jitwieled u min jibqa’ ffriżat għal dejjem.
Pro Malta Christiana tfakkar l-poplu Malti ukoll li fl-istess sena (2022), din is-socjeta’ civika ppubblikat manifest f’paġna sħiħa f’The Malta Independent on Sunday (15 ta’ Novembru 2022), li kkundanna is-sejħiet tal-Prim Ministru Robert Abela għal “dibattitu” dwar l-abort u l-ewtanasja. Dak id-dokument profetiku qal: “Il-popolazzjoni ta’ Malta għandha biżżejjed esperjenza ta’ dak li jirriżulta bis-sejħiet għal “dibattitu” dwar kwistjonijiet moralment sensittivi. “Ejja niddiskutu l-kwistjoni” f’Malta tfisser: “Ejja ndaħħluhagradwalment”. L-istess dokument wissa wkoll li l-kummenti tal-Prim Ministru Abela fl-aħħar mill-aħħar se jwessgħu l-bieb għall-abort, kif ġara bl-aħħar leġiżlazzjoni maqbula fil-parlament. Il-“kumitati ad hoc” parlamentari li qed jiġu proposti minn Dr. Michael Farrugia huma perfettament konformi ma’ din l-istrateġija gradwali li qieħda timponi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-aġenda tal-Unjoni Ewropea (UE) kontra l-ħajja, u fl-aħħar mill-aħħar se jwessgħu l-ambitu għal aktar aggressjoni kontra l-ħajja umana f’Malta.
Minħabba l-fatt li Dr. Farrugia stess iċċita b’mod favorevoli l-pożizzjoni attwali tal-WHO u tal-UE dwar dawn il-kwistjonijiet, il-biċċa l-kbira tal-“esperti” li se jiġu mitluba jixhdu fil-parlament, aktarx, se jiġu minn dawk il-kwartieri li dejjem urew disprezz għall-ħajja umana. Pro Malta Christiana tappella lill-movimenti kollha favur il-ħajja u lill-Kattoliċi Maltin biex jirreżistu din l-aħħar inizjattiva proposta, permezz ta’ talb u azzjoni ċivika paċifika, fid-difiża tal-liġi naturali, u ta’ dak li fadal miċ-ċivilita’ Nisranija f’pajjiżna.’
L-istqarrija ġiet iffirmata minn Carmelo Pistorio, Uffiċjal Relazzjonijiet Pubbliċi tas-Soċjetà Maltija għal Ċiviltà Nisranija – Pro Malta Christiana.

Fejn kienu dawn qabel dhalna membri fl EU?
Kemm mingħalija li Malta Kristjana tinkiteb hekk u mhux nittamaw li magħquda mall-Italja !!