Illum il-politiku jinnegozja l-pakkett finanzjarju li jieħu miegħu: wassal iż-żmien li dan il-pakkett ikun regolat b’liġi u proċeduri ċari

Minn osservatur politiku

Ma jistax ikun li meta jispiċċa politiku mill-politika jispiċċa jinnegozja l-pakkett finanzjarju li huwa jieħu miegħu mingħajr ma jkun jaf ħadd. Issa sirna nafu, b’ħafna tqanzih, dak li nnegozja Joseph Muscat meta spiċċa minn Prim Ministru.

Skont il-Kummissarju tal-iStandards, Muscat ħa affarijiet li kienu ħafna iktar minn dak li kien offrut ħaddieħor. U dan sirna nafuh għax tkellem fuq dan l-istess Kummissarju. Mela sewwa meta wieħed jispiċċa mill-pożizzjoni politika tiegħu jkun jista’ jinnegozja ma’ sħabu tal-kabinett u jieħu dak li ħaqqu u anke dak li ma ħaqqux.

Fejni t-trasparenza f’dan kollu? Fejni d-demokrazija f’atti bħal dawn/ Għal ħafna snin ma konniex nafu kif jiġu negozjati dawn l-affarijiet. Ma kienx ċert lanqas minn kien jiddeċiedi dawn l-istess affarijiet. Din il-ġimgħa sirna nafu li jkunu l-Ministri tal-Gvern stess li jiddeċiedu kemm għandha tkun l-għotja finanzjarja għalihom infushom meta jispiċċaw mill-pożizzjoni politika tagħhom. U dan isir waqt diskussjonijiet li ħadd ma jkun jaf x’qed jingħad. Ikunu huma biss li jkunu jafu x’qed iħawdu fil-borma.

Dan sirna nafuh għax il-Kummissarju tal-iStandards iddikjara, din il-ġimgħa, li Joseph Muscat ħa iktar affarijiet u flejjes minn dak li ħaqqu. Kien għalhekk li tinstema stramba kif Joseph Muscat innifsu nnegozja dan il-pakkett meta spiċċa minn Prim Ministru. Kif jista’ jkun li deċiżjonijiet li jimpattaw fuq il-poplu kollu jiġu deċiżi bil-moħbi u mingħajr id-dritt li l-poplu jkun jaf x’qed jiġi diskuss jew x’ġie deċiż.

Dawn huma affarijiet li ma jitwemmnux. Issa hemm ix-xewqa tal-Kummissarju tal-iStandards li dawn il-proċeduri jiġu stipulati permezz ta’ liġi. Ikun jaqbel għal kulħadd li kollox ikun ċar minn qabel u kulħadd jaqbel li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq preċeduri maqbula fil-parlament. Għalhekk huwa tajjeb li l-Gvern joħodha fuqu u jiddiskuti dawn il-pjaċiri finanzjarji fil-miftuħ ħalli kulħadd ikun jaf x’jista’ jieħu politiku meta jispiċċa minn pożizzjoni għolja fl-esekuttiv tal-pajjiż sa meta jgħaddi minn żmien li jsib xogħol ieħor.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading