Il-bżonn tat-tieni sptar

Minn osservatur politiku

Kemm naqbel mal-Ministru Jo Etienne Abela li f’Malta għandna bżonn it-tieni sptar. Kemm ilna ngħidu dan id-diskors. Issa qed jirrikonoxxih anke l-Ministru tas-Saħħa li qal li jixtieq jara lil St Luke’s jiffunzjona bħala forċina għall-isptar priċipali tagħna, Mater Dei.

Dan il-ħsieb il-Ministru missu ilu li qasmu ma’ sħabu li mingħajr mistħija ta’ xejn għaddew miljuni kbar ta’ Euro lill-barranin. Kieku l-Ministri ta’ qablu kienu sinċieri u onesti, kieku l-isptar St Luke’s ilu jiffunzjona u mhux ħallejnieh jiddeterjora u sar barumbara tal-ħamiem. Kieku l-Ministri tas-Saħħa Laburisti kellhom il-kuxjenza f’postha kieku illum għandna l-vantaġġ ta’ sptar ieħor li jnaqqas il-pjagi li qed ibati minnhom Mater Dei.

Meta tqis li f’pajjiżna d-domanda għas-servizz tas-saħħa żdiedet b’ammonti kbar wieħed jifhem għaliex l-isptar Mater Dei mhux ilaħħaq mad-domanda. Il-popolazzjoni f’Malta u Għawdex tant żdiedet li qed ikun diffiċli għas-servizzi tas-saħħa biex ilaħħqu mad-domanda li għandhom. Jekk il-poplu jiżdied suppost jiżdied miegħu s-servizz li jingħata.

Imma dan ma sarx għaliex l-isptarijiet Maltin u Għawdxin ġew mgħoddija lill-barrani biex mingħalina jagħmel minnhom sptarijiet ‘state of the art’. L-isfortuna hi li l-barranin ħadu mal-400 miljun euro, żammewhom għandhom u ma taw ebda sptar lill-poplu Malti u Għawdxi. Issa l-Gvern qiegħed f’sitwazzjoni li jixtieq jinvesti fl-infrastruttura fis-saħħa imma ma għandux flus biex jagħmel dan.

Il-poplu qed jifhem fihx jinsab l-isptar Mater Dei għaliex b’xi mod jew ieħor kull familja ikollha bżonn tal-użu tal-emerġenza fl-isptar. Kulħadd jaf is-siegħat twal li wieħed irid jagħmel biex jinqiegħda fl-isptar speċjalment fl-emerġenza. Din mhix sitwazzjoni feliċi imma ikollna nibqgħu mwaħħlin biha għax l-investiment li kellu jsir ma sarx.

Issa l-Ministru tas-Saħħa qed jammetti li l-investiment ma sarx għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi. Issa l-Gvern irid jara kif ser isolvi din il-pjaga li ħakmet lil pajjiżna u jkollu jdaħħal idejh fil-kaxxa ta’ Malta biex jipprova jsib il-flus ħalli jinvesti. Kieku l-Ministri konċernati taw każ ta’ dak li kienu qed jisimgħu mill-poplu, kieku s-sitwazzjoni mhix krudili daqs kemm hi llum.

Bħala poplu naqblu mal-Ministru tas-Saħħa preżenti u nħeġġuh biex ikompli jsostni li hemm bżonn urġenti li l-poplu jkun moqdi aħjar fl-isptar Mater Dei. Nisperaw li jkompli jsus ma’ sħabu l-Ministri biex jaqblu li jibdew, mingħajr dewmien, l-investimenti neċessarji fis-servizzi tas-Saħħa.

One thought on “Il-bżonn tat-tieni sptar

  1. Mera nbena Mater Dei kienu hallew St. Luke’s jaqa bicciet ghax hasbu li se jkun bizzejjed sptar wiehed. Tkomplux twahhlu fil-Gvern tal-lum.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading