Is-surveys u Bernard Grech: għaliex illum ħadd mill-Blue Heroes ma jitkellem?

Minn osservatur politiku

Dr Bernard Grech jista’ jħossu furtunat li din is-sena ser ikollna l-elezzjonijiet tal-parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali. Kieku ma hemmx dawn l-elezzjonijiet kieku r-renju tiegħu diġa’ spiċċa. U dan mhux jien qed ngħidu imma qed jgħiduh ħafna deputati u protagonisti tal-Partit Nazzjonalista meta jirrejalizzaw li l-Partit li fih jipparteċipaw ma hu qed jagħmel ebda avvanz mal-elettorat Malti u Għawdxi.

Irridu niftakru li Bernard Grech ma jiddejjaq minn xejn. Qed ngħid dan għax wara li politiku jkun ġarrab telfa madornali bħal dik tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet ma kienx jippreżenta ruħu biex jerġa’ jiżżattat fit-tmexxija tal-istess partit tellief. Ma tgħallem xejn minn Simon Busuttil li meta tilef l-elezzjoni ġenerali tal-2017 bi ftit voti iżjed mill-2013 qal u ddeċieda li postu mhux fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Li kieku fl-2017 l-elezzjoni ntilfet bi żvantaġġ ftit inqas mill-2013 kieku Simon Busuttil kien jibqa’ fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Imma le, meta dan il-politiku għaraf li t-telfa kienet ikbar minn dik ta’ qabilha warrab kif kien mistenni.

Bernard Grech ma tgħallem xejn mill-kapijiet ta’ qablu u webbes rasu li jibqa’ jmexxi lill-partit akkost ta’ kollox. Ġie jaqa’ u jqum mill-għajta tal-poplu li mhux meqjuż bħala l-Kap idoneu. Ma kienx lanqas meqjuż bħala l-bniedem li jista’ jiġi fdat fit-tmexxija tal-Gvern ta’ Malta. Illum qed naraw li l-politika tiegħu ma hi popolari xejn u kull ma tmur qed ittellef lill-Partit Nazzjonalista minn avanzi tant meħtieġa. Huwa tal-iskantament kif ħadd fil-Partit Nazzjonalista ma jindenja ruħu iwassal dan il-messaġġ fil-pubbliku u jieħu azzjoni tant neċessarja u tant mistennija mill-maġġoranza tal-partitarji tal-istess partit.

La t-tesserati għoġobhom jagħtu fiduċja lil Bernard Grech wara l-elezzjoni li għaddiet, issa jridu jħabbtu fuq sidirhom u jammettu li kienet id-deċiżjoni tagħhom li wasslet lill-Partit Nazzjonalista jinżel u jmiss b’idejh l-abbissi tal-infern. Issa jridu jgħidu li l-viżjoni tagħhom kienet limitata u ma fehmux il-messaġġ li għadda l-poplu fl-2022 meta l-partit tagħhom tilef b’mod allarmanti l-elezzjoni ġenerali.

Issa donnu li s-sostenituri tal-Partit Nazzjonalista ser iħallu l-istatus quo sal-elezzjonijiet ta’ Ġunju imbagħad jieħdu xi deċiżjoni wara. Imma dan sewwa? Tajjeb li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ joħroġ ta’ tellief anke f’kull stħarriġ li qed jiġi pubblikat minħabba l-fatt li Bernard Grech webbes rasu li jibqa’ Kap?

Jien għandi d-dubji tiegħi eżattament xi jħobb fil-politika Bernard Grech. Jidher li lill-Partit Nazzjonalista ma jħobbux għax kieku ma jħalliehx jieħu disfatta wara l-oħra kull xahar. Jiena naħseb li qed iħossu komdu bil-paga li qed jirċievi bħala Kap tal-Oppożizzjoni u xi ħaġa oħra bħala Kap tal-Partit mill-istess Partit tiegħu li hu kien iddikjarah bħala fallut. Imma jekk l-affarijiet huma f’dan l-istat allura l-kolpa ddur fuq dawk li mhumiex jaġixxu għall-istess ġid tal-Partit Nazzjonalista.

Ara ftit tas-snin ilu meta kellna ndikazzjonijiet li l-Kap ta’ dak iż-żmien ma kienx qed jiġbed biżżejjed votanti warajh, malajr qamu l-irwiefen kollha u saħansitra marru għand il-President biex jippruvaw ineħħuh u baqgħu għaddejjin sa meta rnexxielhom. Issa jekk għamlux tajjeb jew le dak in-nhar, illum wieħed jista’ jasal għall konklużżjonijiet tiegħu għax l-affarijiet huma ċari biex jifhimhom kulħadd.

3 thoughts on “Is-surveys u Bernard Grech: għaliex illum ħadd mill-Blue Heroes ma jitkellem?

  1. Issa ferhanin li bidlu l-Kap u tighdx kemm huma kuntenti. Komplu sejrin ekk. Sitwazzjoni mwera w’tal biza.

  2. Claudette kemm hi kwieta? Mhux sejra ghand il-President did-darba. U x’sar minnhom Mark Anthony Sammut, Ivan Bartolo tas-6pm, Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina? Kollha se jibqghu jisemmew bhala in-nies li taw id-daqqa tal-mewt lill PN.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading