Kemm ilu Mark Sammut imexxi il-PBS, fi tliet snin irreżenjaw mal-20 impjegat full-time

F’dawn l-aħħar kważi tlett snin kemm ilu Mark Sammut imexxi l-istazzjon nazzjonali, irriżenjaw mal-20 persuna li kellhom l-impjieg u l-għixien tagħhom ġej mill-PBS, u dan wara diversi snin jaħdmu mal-istazzjon nazzjonali f’dipartimenti differenti.

Ma dawn wieħed irid iżid żgur mal-ħames persuni li jinsabu mislufa ma’ dipartimenti oħra tal-Gvern u oħrajn li jinsabu fuq long sick leave u fil-preżent iċċertifikati li ma jistgħux imorru għall-istress u t-tensjoni li teżisti fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

L-akbar żewġ daqqiet ta’ ħarta għal Mark Sammut u l-istazzjon nazzjonali waslu ftit tal-ġimgħat ilu meta telqulu l-assistenta personali tiegħu Doreen Cortis u l-financial controller tal-PBS Charlon Gatt. Hu mifhum li dawn it-tnejn, anki kif irrappurtat ftit tal-jiem ilu fuq gazzetta lokali, ma felħux aktar is-sitwazzjoni u l-attitudni inaċċettabbli taċ-chairman li bil-karattru jumiljak f’kull ċans li jiġih biex dejjem juri li hemm ġew jikkmanda hu biss.

Is-settur tal-amministrazzjoni fil-PBS ma kienx l-uniku wieħed li ħa daqqa ta’ ħarta kbira kemm ilu fit-tmexxija Mark Sammut. Fl-inewsroom, l-aħħar tliet snin ukoll telqu diversi persuni li ma felħuhx aktar. Fuq quddiem Norma Saliba li wara sena battibekki miegħu, ta’ Kastilja ddeċidew li jsellfuha liċ-Ċentru tal-Ilsien Malti. Fil-każ ta’ Norma Saliba, jidher evidenti ħafna li Mark Sammut ma riedx jaċċetta qatt li hi kienet ukoll f’position of trust ta’ Kastilja u ta’ kuljum kien jindaħlilha f’xogħlha, x’għandha tagħmel u ma tagħmilx, anki jekk m’għandux l-iċken idea fil-ġurnaliżmu. Norma Saliba qatt ma ħalliet lil Mark Sammut jindaħlilha f’xejn u kien għalhekk li għax waqfitlu kemm-il darba, spiċċaw ħabtu ras ma’ ras, tant li xi ħadd minnhom kellu jdabbar rasu. Dak iż-żmien, Kastilja kienu ddeċidew favur iċ-Chairman iżda llum, dan is-sit jinsab infurmat li fl-istess Kastilja, kulħadd qed jitkellem fl-apert li kien sar żball oħxon.

Nieqsa wkoll mill-inewsroom hemm Ruth Castillo, li fl-aħħar snin issellfet fl-uffiċju tal-komunikazzjoni tal-President George Vella u m’għandix għażla ħlief li tirritorna hekk kif jintemm it-terminu tiegħu, sakemm ma tinżammx mill-President li jmiss.

Misluf ukoll mal-Korp tal-Pulizija bħala Kap tal-Kommunikazzjoni hemm Brandon Pisani, li naqas mill-kamra tal-aħbarijiet fl-aħħar snin. Wieħed ma jridx jinsa lanqas li fl-aħħar tliet snin kemm ilu jmexxi Mark Sammut, naqsu mill-inewsroom ukoll żewġ pilastri bħal Keith Demicoli u Nigel Mifsud li tnejn jitkellmu fl-apert ma’ kulħadd li fil-preżent, fil-PBS ma jarawx aktar futur u avvanz għall-karriera tagħhom.

B’dawn ir-riżenji kollha u bil-problemi li nħolqu minħabba l-promozzjonijiet ġodda li ngħataw, l-inewsroom tal-istazzjon nazzjonali tinsab f’xifer l-irdum, b’Mark Sammut li jkompli jitfa’ pressjoni kemm jiflaħ fuq il-ġurnalisti billi fl-aħħar jiem niżel ħdejhom fl-inewsroom jgħajjat u jintimida kemm jiflaħ.

Dipartiment ieħor li jagħmel parti mill-inewsroom li fl-aħħar snin għadda minn inkwiet kbir kien dak tal-isports li fis-sena li għaddiet iffaċċja wkoll ir-riżenja ta’ Mark Attard, li wara snin twal ta’ xogħol fil-PBS u fil-ġurnaliżmu sportiv, iddaħħal minfloku u anki minflok Sandro Micallef, fil-kariga ta’ manager, ċertu Chris Falzon, li fil-PBS b’mod misterjuż ħafna.

Agħar minn hekk, u f’inqas minn tliet xhur, Chris Falzon inħatar manager ta’ kariga fl-uffiċju ta’ Charles Dalli li ħadd ma jaf x’kienet tikkonsisti eżatt. Biss wara ftit ġimgħat indunaw li għamlu żball, tant li ma kellhomx opzjoni oħra ħlief li jerġgħu jitfawh fl-uffiċju tal-isports, iżda Mark Sammut iddeċieda li jħallih bil-grad ta’ manager anke jekk reġa’ beda jagħmel biss l-istess xogħol tal-kollegi full-timers tiegħu. Din kienet mossa li urtat lil kulħadd fil-PBS, inkluż lill-ġurnalisti tal-inewsroom u mhux lil dawk biss konnesi mal-uffiċju tal-isports, b’uħud iqisuha bħala ħadma bizzilla u skuża biex jittella’ manager. Id-diskors fil-PBS huwa li dan sar għaliex hu mid-distrett tal-ministru risponsabbli mix-xandir. 

Jidher li dan id-dipartiment ilu snin għaddej minn diffikultajiet kbar minħabba l-problema ta’ tmexxija u preżenza fuq it-televiżjoni ta’ Peter Cossai, li hu ieħor minn dawk li m’għandux idea ta’ management u ġurnaliżmu iżda Mark Sammut kien iddeċieda jtellgħu minn Manager għall-Chief Officer b’paga fenomenali fis-sena, kif irrapurtat ukoll f’sit ieħor riċentament. Fl-aħħar snin, Cossai kellu problemi kbar ma’ ħafna impjegati oħra tal-PBS u ma’ kważi l-part timers kollha ta’ dan l-uffiċju li jaqgħu taħtu, minħabba t-tmexxija tiegħu. Fi kważi 40 sena li ilu l-PBS, Peter Cossai għandu rekord ta’ warnings li bela’ u li dejjem inħafrulu.

Aktar riżenji, li dan is-sit għandu l-ismijiet tagħhom kollha iżda jippreferi jżomm għalih peress li dawn mhumiex persuni pubbliċi, waslu mid-Dipartiment tal-IT li fl-aħħar xhur irriżenjaw iż-żewġ full-timers li kien hemm, wieħed wara l-ieħor f’temp ta’ xahar. Riżenja oħra seħħet matul is-sena li għaddiet kienet tal-persuna li kienet tieħu ħsieb il-loġistika tal-camerapersons u l-operat kollu tal-istazzjon nazzjonali.

Fl-aħħar 3 snin, irreżenjaw ukoll wieħed mill-aqwa camerapersons li kellu l-PBS filwaqt li tnejn oħra sselfu f’Ministeri ma’ Ministri differenti filwaqt li dabru rashom wkoll l-aktar żewġ sales persons li kienu jbiegħu reklami għall-kumpanija. Magħhom jingħaqdu wkoll żewġ tekniċi oħra li ma felħux il-pressjoni kontinwa fuqhom taċ-Chairman. Ma’ dawn irriżenjaw ukoll żewġ persuni li kienu jirrappurtaw għax-xogħol fil-binja l-oħra li għandu x-xandir nazzjonali fin-niżla tal-Ursolini.

Telqu wkoll diversi persuni oħra li kienu jagħmlu xogħol klerikali ieħor fl-uffiċini amministrattivi tal-istazzjon u li kienu ilhom hemm ġew snin twal, flimkien ma’ persuni oħra li qegħdin fuq long sick leave u ċċertifikati mit-tobba li ma jistgħux jaħdmu f’dawk il-kundizzjonijiet li jinsab fihom il-PBS.

L-agħar ħaġa wara dawn ir-riżenji jibqa’ l-fatt li bħalma jiġri dejjem f’kumpaniji serji u dipartimenti tal-gvern fejn ikun hemm ftehim kollettiv, f’kull riżenja li seħħet lanqas biss kien hemm interview tal-aħħar mal-impjegati biex Mark Sammut jara jistax isolvi l-problema tagħhom u jikkonvinċihom jibqgħu. Persuni li kienu ilhom mal-PBS snin twal lanqas biss irċivew ittra ta’ ringrazzjament tax-xogħol u l-kontribut li taw u spiċċaw ħarġu għall-aħħar darba mill-bieb ta’ barra mbikkma.

Is-sitwazzjoni fil-PBS tidher ta’ disperament totali tant li bil-kritika li qed ikollu l-istazzjon minn kull naħa tas-soċjetà, qed issir ħsara kbira saħansitra fil-lat kummerċjali tar-reklamar li diversi kumpaniji qed jippreferu jirreklamaw ma’ stazzjonijiet oħra u mhux mal-istazzjon nazzjonali, anki għax fl-aħħar 3 snin tilef diversi uċuħ li kienu popolari ħafna fid-djar tan-nies u li llum ħalfu li qabel ma jaraw tmexxija serja tal-PBS ma jerġgħu qatt lura hemm ġew. Fl-aħħar xhur, dawn l-istess persuni u impjegati preżenti tal-istazzjon pruvaw isibu komfort f’Charles Dalli, li iżda pprefera ma jikkumenta xejn lura. Dalli, anki jekk mhux intiż fil-linja ġurnalistika hu l-editur tal-inewsroom wara li l-pożizzjoni ta’ Norma Saliba baqat vakanti.

Fl-aħħar xhur, it-tensjoni kompliet tiskala bejn dawk l-impjegati fil-PBS li japoġġjaw lil-labour li issa ħaduha qatta’ bla ħabel kontra Mark Sammut. Il-kitba ta’ Manwel Cuschieri fuq facebook li kixef kif Sammut ta’ ordni diretta biex l-eks-Prim Ministru Joseph Muscat ma jingħatax spazju fuq l-istazzjon nazzjonali jidher li kompliet saħnet il-qiegħa mal-Laburisti ta’ Malta kollha li assolutament qed jaraw li post Mark Sammut fit-tmexxija tal-PBS u bi €12,000 paga fix-xahar, m’għadux aktar tenibbli. Ħadd għadu mhu ċert għal-liema programm kien qed jirreferi għalih Cuschieri, b’din l-issue li nżammet personali ħafna u kienu jafu bija xi wħud biss.

Fil-kuriduri tal-PBS, kompliet għaddejja l-ispekulazzjoni dwar kemm fadallu jirrenja Mark Sammut li issa spiċċa qed jaqlaha mingħand kulħadd, kemm minn individwi li huma parti mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, kemm oħrajn li jmexxu identitajiet oħra governattivi, u kemm persuni li huma viċin ħafna tal-Prim Ministru Robert Abela u saħansitra jaħdmu miegħu f’Kastilja.

Minn tagħrif li ksibna, jidher li l-kuntratt ta’ Mark Sammut jiskadi fil-31 ta’ Marzu li ġej, f’Jum il-Ħelsien, u bħal donnu kulħadd qed jittama li dan ikun Jum il-Ħelsien b’differenza!

Mark Sammut

 

   

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading