Il-mozzjoni ta’ Karol Aquilina kontra Rosianne Cutajar hija biss karambola kontra Bernard Grech u David Agius.
Mela fil-Partit Nazzjonalista kellna l-istorja tal-mozzjoni li vvinta Karol Aquilina kontra Rosianne Cutajar. Infakkar li Karol Aquilina hu l-filjozz ta’ Richard Cachia Caruana u ħu l-President tar-Repubblichini. Hu fatt magħruf li dan ma jagħmel xejn mingħajr l-approvazzjoni ta’ Richard Cachia Caruana.
Imma din il-mozzjoni spiċċat boomerang fuq 14-il MP Nazzjonalista li għandhom impjieg mal-gvern u fuq MP oħra li għandha mpjieg fl-Universita’. Issa Rosianne Cutajar m’għadhiex waħidha. Din il-mara, waħidha, u bil-media tal-onesti kollha kontra tagħha, irnexxilha tiġġildilhom. Imma biex għamlet hekk kellha tilgħab skont l-istrateġija li ħejja l-kardinal tal-Imdina. Fi kliem ieħor, l-għażla ta’ Rosianne Cutajar ma kienetx kumbinazzjoni għaliex kienu jafu li ser tattakka lura. U dan hu dak li ried Richard Cachia Caruana.
Mela din il-mossa minn Richard Cachia Caruana ma wasslitx biss biex Rosianne Cutajar tattakka lura. Imma l-Partit Laburista kellu jagħmel reazzjoni. Anki jekk Rosianne Cutajar hija kandidata indipendenti, ma setgħax iħalliha waħidha għaliex id-diehard Laburisti huma magħha. Għalihom, Rosianne Cutajar hija vittma tal-ħdura ta’ Delfinisti u sħabhom. B’hekk, Richard Cachia Caruana tefa’ l-melħ fuq il-ferita’.
Għalhekk il-whip Laburista kellu jikteb artiklu f’The Times, il-ġurnal tad-Delfinisti u dawk tar-rule of law. F’dan l-artiklu qalilhom li “what is sauce for the goose is sauce for the gander”. Mela l-mozzjoni ta’ Karol għandha wkoll tkun tajba biex tinvestiga l-MPs kollha tal-PN li ssemmgħu fil-PQ ta’ Rosianne Cutajar. Jien inżid li din il-mozzjoni għandha tinvestiga d-deputati kollha, inkluż dawk tal-gvern li jaħdmu mal-gvern ħalli l-poplu jkun jaf jekk huma wkoll humiex imorru għax-xogħol jew le.
B’hekk grazzi għal Rosianne Cutajar, il-Labour spiċċa qed jattakka l-ipokrezija ta’ Karol Aquilina, waqt li nżammet moħbija l-faċċata l-oħra tal-munita li ħadd ma hu qed jitkellem dwarha.
Infatti ħadd fil-PN u barra ma hu qed jistaqsi “possibbli li Karol Aquilina, imħarreġ fl-arti tal-kattiverja politika minn Richard Cachia Caruana ma kienx jaf li din l-istorja ser tiġi fuq l-istess Partit Nazzjonalista bħal boomerang?”
Din l-istorja wriet kemm Bernard Grech hu mnexxi minn imnieħru. Din l-istorja wriet kemm Bernard Grech qed imexxih Karol Aquilina u mhux qed jinduna li kull darba, dan il-konsulent qed idaħħlu fil-ħajt u jkompli jagħmlu rrelevanti aktar milli hu. Uħud issa qed isostnu li din kienet mossa minn Karol Aquilina kontra Bernard Grech.
Mela, fid-deher Karol Aquilina ried taparsi jolqot lil Rosianne Aquilina imma fil-verita’ l-veru target tiegħu huwa Bernard Grech u David Agius. Infatti, kif mistenni, din il-mozzjoni ħolqot ħafna nkwiet intern lil Bernard Grech li kompliet naqset il-popolarita’ tiegħu. B’hekk Bernard Grech kompla ddgħajjef. Din hija strateġija tajba ta’ dawk li issa jridu jeħilsu minnu. Il-Kardinal tal-Imdina huwa espert f’dawn it-tip ta’ mossi jew karamboli politiċi!
B’hekk b’din il-mossa ta’ Karol Aquilina mar ħażin David Agius li kien qed jinkwetahom għaliex beda jagħmel inroads fl-MEP elections aktar milli mistenni. Infatti kien qed anki jattendi l-laqgħat poltiċi ta’ Adrian Delia. Stħarriġ intern tal-PN kien qed juri li David Agius kien sejjer tajjeb ħafna u aħjar minn David Casa u minn Peter Agius. Infakkar li David Agius huwa wieħed mill-erbatax li Rosianne Cutajar staqsiet dwaru jekk hux qiegħed imur għax-xogħol.
Infakkar li r-Repubblichini ħarġu lil David Agius biex ikissru lil Peter Agius. Issa indunaw, li David Agius qed jagħmel inroads aktar milli xtaqu u b’hekk ma ddejqux joħolqu storja li jafu li ser toħloq inkwiet lil David Agius biex jipproteġu lil David Casa.
Fuq kollox, f’dan kollu, sabu l-appoġġ ta’ Ray Bezzina li hu persona oħra ta’ Richard Cachia Caruana. Ray Bezzina hu l-eks-chief of staff ta’ Bernard Grech u llum huwa l-campaign manager ta’ Peter Agius. B’hekk bħalissa fil-PN għad hemm ħafna ġlied.
It-tieni karambola ta’ Karol Aquilina kienet maħsuba biex iddgħajjef lil Bernard Grech innifsu. Jekk erbatax-il MP tal-PN jiġu investigati u jekk dawn ma jitħallewx aktar jagħmlu xogħol politiku matul il-ġurnata, il-PN ser ikun qed inaqqas b’mod massiv il-preżenza tiegħu “on the ground” lejlet l-elezzjonijiet tal-MEPs.
Ġa kellna sondaġġi diżastruzi għall-PN. Mela jekk tgħaddi l-mozzjoni kif irid il-Lejber, iċ-ċans ikompli jitbiegħed li l-PN jidħol biċ-ċans għat-tielet siġġu. Infakkar li jekk il-PN iġib it-tielet siġġu, Bernard Grech isalva ġildu. Jekk il-PN ma jġibx it-tielet siġġu, Bernard Grech jonqoslu ċ-ċans li jibqa’ kap tal-Partit Nazzjonalista wara l-elezzjonijiet Ewropej.
B’hekk Richard Cachia Caruana jkunu laħaq dak li jrid, jiġifieri bidla fit-tmexxija wara l-elezzjonijiet Ewropej u l-kap il-ġdid ikun mill-fazzjoni tiegħu.
B’hekk trid tkun baħnan biex iżżomm konsulent miegħek persuna li qedha politikament tilgħabek u huwa l-filjozz ta’ Richard Cachia Caruana. B’hekk, is-sodda ġa bdiet tinfirex biex Roberta Metsola, li hija fil-grupp politiku ma’ Richard Cachia Caruana tinġieb bħala mexxej tal-PN wara l-elezzjonijiet li ġejjin.
Fil-billiard, dawn it-tip ta’ mossi jgħidulhom karambola. Tilgħab fuq boċċa biex tolqot boċċi oħra.

