Aktar min-nofs tal-ġenerazzjoni żagħżugħa tilfet il-fiduċja fl-establishment politiku ta’ dan il-pajjiż: Robert Abela u l-anqas Bernard Grech ma huma jispiraw fiduċja u tama.

Minn Edwin Vassallo

Ilbieraħ kellna s-survey tal-Malta Today. Is-Sibt, ġurnata qabel ma ħareġ dan is-survey, kont parti minn konferenza stampa mal-Partit Popolari. Is-suġġett tal-konferenza stampa kien il fatt li fuq l-istatistika diġa’ pubblikata, terz taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin qed jgħidu li jiddispaċihom li twieldu f’Malta. Il-kumment tiegħi kien li b’din l-isfiduċja, pajjiżna qiegħed jiftaqar. Pajjiżna għandu defiċit ta’ fiduċja u komplejt ngħid li jekk din l-isfiduċja taż-żgħażagħ tippersisti, pajjiżna ta’ xejn jgħid b’kemm qed tikber l-ekonomija meta f’realta’, dan ‘l hekk imsejjaħ tkabbir ekonomiku mhux jirrendi tama u fiduċja fiż-żgħażagħ tagħna. Dan ifisser li pajjiżna qiegħed tassew jiftaqar mill-aktar riżorsa ta’ enerġija li neħtieġu biex ikollna tkabbir ekonomiku reali. Pajjiżna għandu biss riżorsi umani. Din ir-riżorsa hija ż-żgħażagħ gradwati u l-ħaddiema tagħna.

Is-survey tal-Malta Today kixef il-verita’ dwar kemm l-establishment politiku waqa’ fl-aktar livell baxx ta’ fiduċja. Din hija bozza ħamra mhux biss għal-Labour u n-Nazzjonalisti. iżda għalina bħala poplu Malti u Għawdxi li quddiemna għandna sfidi ekonomiċi kbar. Fil- ġejjieni, wieħed jistenna maltemp ekonomiku u soċjali. Biex nirbħu dan il-maltemp għandna bżonn il-fiduċja u t-tama. Għandna bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Bħala poplu għandna nkunu team ta’ ħaddiema, imprendituri, professjonisti, politiċi li naħdmu flimkien. Illum il-poplu Malti għandu quddiemu politika li qed tiżra l-isfiduċja u mhux it-tama. B’din il-politika ma aħna ser naslu mkien.

Wieħed mill-agħar riżulutati ta’ dan is-survey hu li 51.2 % tal-elettorat, li għandu minn 50 sena l-isfel, la qed jafda lil Robert Abela u lanqas lil Bernard Grech. Din hija realta’ tal-biża’. Jekk il-budget mhux ser jirnexxilu joħloq fiduċja fil-Maltin u l-Għawdxin, allura għandna establishment politiku li qed jitkellem waħdu u mhux jikkomunika ma’ ħadd.

Il-gvern qed jitkellem fuq tkabbir ekonomiku imma dan it-tkabbir huwa finta. Għal dawk li għandhom livell ta’ edukazzjoni tajjeb, dan il-fatt qed iħossuh aktar minn oħrajn, għaliex din l-isfiduċja fil-politiċi tagħna titla’ fosthom għall-52%. Nittama biss li dawn in-numri ma jkomplux jikbru. Jekk jikbru, ikun ifisser li dan il-pajjiż ser jkun hawn sfiduċja enormi li toħloq problemi kbar kemm ekonomiċi u soċjali. Dan ifisser li l-futur tal-Prim Ministru Robert Abela hu nċert.

Din l-isfiduċja li qed naraw f’dan is-survey trid tintrebaħ. L-establishment politiku qiegħed ifalli imma l-pajjiż ma jistax jippermetti li jfalli poplu sħiħ miegħu. Bil-liberaliżmu kollu tiegħu, dan l-establishment politiku mhux jikkomunika serjeta’ għal ġejjieni. Il-poplu beda jinduna li dan l-establishment qed jidħaq bih. Nittama li dan il-pajjiż jirbaħ it-tama u jimxi ’l quddiem billi nkunu poplu wieħed. Poplu li kapaċi jaħdem u jistinka biex ma ngħerqux ekonomikament u soċjalment.

One thought on “Aktar min-nofs tal-ġenerazzjoni żagħżugħa tilfet il-fiduċja fl-establishment politiku ta’ dan il-pajjiż: Robert Abela u l-anqas Bernard Grech ma huma jispiraw fiduċja u tama.

  1. Sur Vassallo, ħlief dlam għal futur mhux tara. Kont titkellem bl-istess ton meta kont fil-Parlament fuq il-bank ta’ l-oppożizzjoni u bqajt tkanta l-istess diska issa li tlaqt bid-differenza li ddeffes xi ftit fil-kritika lil PN. Issa li l-elezzjoni għada xi ftit il-bogħod, lil-PL u lil Robert Abela jgħamlulhom sew il-Laburisti jgħatuhom doċċa kiesħa għax inkella dawn tkompli tikbrilhom rashom u jiddunaw biss x’ħin jitilfu l-gvern. Dan ġara lil gvern ta’ Mintoff u KMB, u bħal ma ġralkom inthom il-PN ta’ Gonzi u Busuttil. Il-PN donnu ma jridx jaf jiġġedded. Jarmi ‘l hemm ċertu mażżriet imdendlin ma għonqu u ma saqajh ukoll. Il-kliem kattiv, oddjuż u ta’ gwerra għal hardcore biss jgħodd u mhux ħa jiġbed Laburisti imdejqin lejh. Tinduna mill-maġġoranza li saret kbira li qalu ma jridux jivvutaw. Dawn suppost li marru għand il-PN l-iktar. Mhux jindikaw hekk is-surveys li saru wara l-elezzjoni.

Leave a Reply to JoeyCancel reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading