Is-sajd bil-parit ħarab mill-kontroll tal-Awtoritajiet.

Minn sajjied

Ftit tal-jiem ilu deher artiklu fuq dan is-sit iffirmat minn Sajjied fejn tkellem fuq is-sajd bil-parit. Min kiteb dan l-artiklu kiteb li s-sajd bil-parit ħarab mill-kontroll tal-Awtoritajiet. X’inhu jiġri eżatt fis-sajd bil-parit? U x’inhu jiġri f’dan il-qasam fejn tidħol is-sostenibilita’? Min huma s-sajjieda tal-parit?

F’dan il-qasam għandna sistema kompletament ħażina. F’dan is-settur ma hemmx distinzjoni fil-mod ta’ kif jingħataw il-liċenzji mid-dipartiment tas-sajd. Kemm infakkar il-qarrej li anki s-sajd bil-parit hu suġġett għall-permessi u l-liċenzji u allura jrid jiġi rreġistrat. Fil-verita’ ma hemmx verament follow-up mid-Dipartiment.

Għaliex qed ngħid dan? Meta sajjied jew persuna tmur biex tirreġistra għal xix trid tistad, issib persuna nkarigata fid-Dipartiment tas-Sajd u din il-persuna tistaqsiha x’irkapti trid tniżżel fuq il-ktieb il-blu tal-bastiment. U hawn kulħadd jara x’jaqbel lilu. Tgħiduli, x’fiha ħażin din is-sistema?

Għandek ftit uħud li s-sena kollha l-għixien tagħhom hu bil-parit biss. U dan għaliex ma għandhomx waħda mil-liċenzji speċjali. B’liċenzji speċjali, wieħed jifhem il-liċenzji għall-qbid tat-tonn, tal-pixxispad, tal-alalungi, tat-tkaxkir, tal-lampuki u tal-lampara.

Imma toħroġ il-għaġeb hemm bastimenti li għandhom liċenzja għat-tonn, għall-pixxispad, għall-alalungi, għal-lampuki u għall-parit. Imsomma min hu mejjet għall-qatra u min hu mejjet fis-sakra. Dawn is-sajjieda bil-liċenzja tal-parit qed isib kompetizzjoni mingħand dawn li għandhom liċenzji għal kollox, speċjalment matul dak iż-żmien tas-sena fejn tara lill-kulħadd jarma bil-pariti u x-xkitti.

Limitu ta’ kemm jitkala m’hemmx. Din ix-xiber kosta li għandna f’pajjiżna tispiċċa mirduma bil-pariti. Tisma’ kliem bħal qiegħed jispiċċa kollox u bir-raġun ikunu qegħdin jistennew maltempata qawwija sabiex forsi jaħrab l-awrat tal-fish farms.

Imma l-akbar vilta fil-konfront tas-sajjieda tal-parit tinsab hawn. Kellek sajjieda li kellhom liċenzja speċjali għat-tonn. Dawn biegħu din il-liċenzja tat-tonn u daħħlu xi €40,000 għaliha. Imbagħad, bil-wiċċ tost kollu, dawn is-sajjieda li kellhom il-liċenzja għat-tonn u biegħuha, tarahom imorru bil-parit b’kompetizzjoni ma’ dawk il-povri sajjieda li għandhom il-liċenzja tal-parit biss.

Nifhem li għandna jkollna sajd sostenibbli, imma nifhem ukoll li għandu jkun hemm dimenzjoni soċjali għas-sajd. Il-kilba għall-flus hija bla limitu. U din tinsab fil-qasam tas-sajd. Min hu fgat b’risorsi mislufa lilu mill-gvern u min taħt il-madmad ta’ dawn it-talin bla skrupli. Dan hu li jġib il-libertinaġġ.

Għalhekk huwa importanti li d-Dipartiment tas-Sajd jibda’ jkollu l-fatti kollha u preċiżi ta’ x’inhu jiġri f’dan il-qasam. Ma jistax ikun li nkomplu fejn l-awtoritajiet qegħdin hemm għal kbir u kontra ż-żgħir. Ma jistax ikun li l-ilpup jibqgħu jmexxu f’dan il-qasam.

L-aġenda tal-gvern għandha tkun dejjem waħda ppreparata minn qabel ma’ min verament għandu għal qalbu dan is-settur u mhux ma’ min qed jara biss ewros f’dan is-settur. Il-gvern hu l-policy maker u l-ebda koperattiva ma għandha tidħol fit-tqassim tar-risorsi tal-istat. Dak li ġara fil-liċenzji għas-sajd bil-parit juri kemm dan hu minnu.

Irid ikun hemm tqassim ekwu tal-ġid fejn l-istat jagħtik il-qasba pero jara li taqbad il-ħut u mhux kif ġara fejn ċertu sajjieda spiċċaw jinnegozzjaw il-qasba li tagħhom il-gvern u wara ħolqu qasba oħra għas-skapitu ta’ oħrajn. Hekk ġara fil-qasam tas-sajd bil-parit.

L-armar tal-parit fuq il-moll ta’ Marsaxlokk.

One thought on “Is-sajd bil-parit ħarab mill-kontroll tal-Awtoritajiet.

  1. U s-sabiha wkoll li l-pariti qed jurtaw lid-dilettanti tas-sajd jew ghadds mill-art ghax jitqieghed ftit metri minn kull xtajta li hawn fil-pajjiz b’rizultat li l-hut ta’ qies ta’ pied jew aktar sparixxa minn hafna postiijiet hlief it-toqob minuskoli fejn sajd bil-parit ma jistax isir minhabba xi relitt mgharraq!

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading