L-istejjer tal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana u tal-eks-Ministru Michael Farrugia u l-ħrejjef politiċi li qalu.
Minn Osservatur politi
Il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien. Hekk qed nistħajlu bħalissa l-Gvern. Ma tistax tiġih waħda tajba. Issa biex tkompli tgħaxxaqha kellna il-fouls ta’ Clyde Caruana u Michael Farrugia li komplew tappnu l-kredibilita’ tal-Gvern.
Ma nistgħux ngħidu li l-Prim Ministru Robert Abela għaddej minn xi perjodu ta’ pożittivita’. F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm diversi aspetti politiċi li ma tantx żidilu voti lil Robert Abela. Pjuttost komplew għaksuh u komplew juru li s-simpatija tan-nies qed tkompli tonqos. Dan rajnieh fl-aħħar żewġ stħarriġ li ħarġu li wrew li Robert Abela kompla naqqas in-numru tal-voti. Li żamm il-vantaġġ fuq l-avversarju politiku tiegħu ma tantx hija konsolazzjoni meta niftakru li Bernard Grech qatt għadu ma sab saqajh u ma tantx ħalla effett politiku pożittiv fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Imma kif ngħidu xi kultant tasal fi żmien fejn meta tistenna li sħabek ser jitfawlek is-salvauomo, ikompli jitfawlek il-bsaten fir-roti. Kif tista’ temmen li Clyde Caruana jagħmel żbalji bħal dawn li wettaq fl-aħħar ġranet? Possibbli kellu bżonn żewġ ittri biex jispjega ruħu fuq dak li qal fuq is-CEO tal-AirMalta? Jekk verament jemmen fil-verita, fit-trasparenza u f’nuqqas ta’ ingann, ma kienx jagħmel dikjarazzjonijiet fejn juri li l-maturita’ politika tiegħu hija nieqsa. Kieku dan il-Ministru ma pruvax jgħatti xi ħaġa u qal il-verita’ mill-ewwel ma kienx ikollu għalfejn joqgħod jagħmel dikjarazzjonijiet.
Imma l-iktar li tiskantak kif meta kiteb l-ewwel ittra wkoll ma qalx il-verita’ kollha. Possibbli jħalli lil dawk ta’ madwaru jbellawlu kollox mingħajr ma jikkonferma b’eżattezza dak li jkun ser jistqarr. Ħafna iħarsu lejn Clyde Caruana bħala persuna affidabbli u preċiża fil-politika tiegħu, imma dan il-gaffe li għadu kif wettaq telliflu ħafna mill-kredenzjali u l-kredibilita’ tiegħu.
Imbagħad tfaċċat gidba oħra minn Michael Farrugia. Dan id-deputat ser jidher quddiem kumitat tal-kamra tal-parlament għaliex allegatement gideb u kiser il-kodiċi tal-etika. Imma fejn ser naslu? Kulħadd jivvinta minn żniedu? Possibbli ebda wieħed minn dawn iż-żewġ deputati ma għandu l-virtu’ tal-verita fil-ħajja ta’ kuljum tiegħu? Kieku Farrugia ddikjara l-verita mill-ewwel u ma kellux għalfejn idawwar diskors u allegatament addirettura jigdeb, ma kienx ikollu għalfejn jasal sa hawn. Dawn is-sitwazzjonijiet antipatiċi għall-Gvern ma tantx jagħtuh ponti validi. Għall-kuntrarju dawn huma sitwazzjonijiet li jimbarazzaw lill-mexxej tagħhom u lill-Prim Ministru ta’ pajjiżna. U sinċerament naħsbu li bħalissa l-Gvern tal-ġurnata għandu bżonn għajnuna totalment differenti.
Nagħlaq billi nfakkar li kien dan is-sit qabel kulħadd li beda jagħmel il-mistoqsijiet lill-Ministru Clyde Caruana, inkluż dwar il-villa miljunarja li bena. Illum dawk li tant għajru lil Simon Mercieca qed jispiċċaw jagħtuh raġun u anki jimxu fuq l-aħbarijiet li ħareġ bihom.
Iz-zejt jitla f’wicc l-ilma. Din lezzjoni ghal kulhadd, specjalment ghal MPs li taparsi jirrapresentaw l-interessi tal-poplu.