Iż-żieda fil-popolazzjoni mhux mudell li qed jaħdem.
Minn osservatur politiku
Naqbel ma’ dak li kiteb ilbieraħ fuq dan is-sit, John Spiteri Gingell li ż-żieda fil popolazzjoni mhux mudell li qed jaħdem. Il-popolazzjoni f’pajjiżna kibret b’mod allarmanti u sfortunatament qed tkompli tikber u ma jidhirx li l-Gvern għandu xi pjan biex iwaqqaf din iż-żieda fil-popolazzjoni. Anzi għall-kuntrarju ser ikompli jwebbes rasu u jibqa’ għaddej fuq il-mudell perikoluż li l-Prim Ministru ta’ qablu adotta f’dawn l-aħħar għaxar snin. Ir-riżultat ta’ dan kollu huwa l-effett negattiv ħafna fuq l-infrastruttura fil-pajjiż li, kull settur li jeżisti, qed ibati minħabba din iż-żieda.
U jidher ċar li din l-istrateġija daħlet f’pajjiżna mingħajr ebda pjan. B’hekk spiċċajna li kulħadd jagħmel li jrid bir-riżultat li qed ibatu l-Maltin u l-Għawdxin li jipprovaw jimxu mal-ħajja ta’ kuljum għalkemm qed jiffaċċjaw diversi problemi. Din hija strateġija li ħasbet biss għal-lum u qatt ma tat każ ser jiġri għada jew fil-futur qarib. Fil-fatt tant żdiedu n-nies li dawn qed ikollhom effetti diżastrużi fuq kwalunkwe tip ta’ infrastruttura. Ma jistax ikun li l-influss ta’ ħaddiema jibqa’ għaddej mingħajr ma nagħtu każ il-problemi serji li qed jiffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi.
Ikollna nammettu li din l-istrateġija daħlet lil pajjiżna fi sqaq perikoluż. U mhux għalkemm wieħed jgħid li hemm bżonn jinbidel il-mudell ekonomiku. Dan ma jsirx mil-lum għal għada imma jrid tul ta’ żmien. U f’dan il-perjodu x’ser jiġri minn pajjiżna? Ser inkomplu nimlew pajjiżna b’din il-kwantita’ kbira ta’ ħaddiema li deħlin bla kontroll? U x’jiġri jekk jieqaf l-iżvilupp ekonomiku li għandna bħalissa f’pajjiżna? Nispiċċaw nieklu lil xulxin?
U fejn spiċċa r-rispett li aħna l-Maltin tant renomati għalih? Kif spiċċajna f’pajjiżna nospitaw nies li jgħixu f’numru kbir fl-istess appartament? Din hija l-ospitabilita’ li tant aħna magħrufin għaliha? Kif jista’ jkun li jkollok appartamenti li jospitaw fihom għexieren ta’ ħaddiema barranin? X’ħajja qed jgħixu dawn in-nies? U x’effett qed ikollhom fuq il-kumplament ta’ residenzi fl-istess blokk ta’appartamenti fejn hawn dan in-numru essaġerat ta’ residenzi?
Donnu pajjiżna tilef ir-ruħ soċjali tiegħu. Qed nospitaw ħaddiema, li huma nies bħalna, f’ambjent tal-biża’, inħallsuhom pagi ridotti u nħaddmuhom għal tul ta’ ħin. Dawn ġew pajjiżna biex jaqilgħu xi ħaġa tal-flus biex ikunu jistgħu jgħaddu l-flus lill-familjari tagħhom f’pajjiżhom. Imma aħna qed nistmawhom kif suppost? Qed nikkonsidrawhom bħala ħaddiema oħrajn, bħal Maltin li jaħdmu l-istess xogħol?
Kulħadd qed jikkonkludi li din l-istrateġija ekonomika li nimlew pajjiżna bil-barranin mhix ideja tajba u qed toħloq ħafna diffikultatjiet kemm lilna l-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll lill-istess barranin.

Ma ndumux ma’ jkollna prim ministru ta’ kultura barranija bhal Ingilterra u l-Iskozzja. We will be taken over soon. Fix-xoghol tal-id, kumpaniji barranin bdew johonqu l-businessmen zghar tas-snajja. Plumbing? Electrical work? Air conditioning? It will all be foreign owned soon.