Issa anki l-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera qed titkellem dwar “overtourism” u “overpopulation”.
Minn osservatur politiku
“Malta għaddejja minn kriżi kbira”. Hekk iddikjara l-President tal-MHRA, is-Sur Tony Zahra. Dan qalu f’dawn l-aħħar ġranet meta esprima ruħu li l-Assoċjazzjoni tiegħu ma tistax ma titkellimx fuq kif tinstab Malta llum, speċjalment wara l-qtugħ tad-dawl li esperjenza pajjiżna f’dawn l-aħħar ġimgħat. Huwa qal li l-membri tagħhom jinsabu ddiżappuntati bis-sitwazzjoni tad-dawl li mingħajr dubju xekklet is-settur turistiku. Huwa kkummenta wkoll fuq nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern dwar problemi li ilhom jidhru f’dan is-settur. Il-biża’ hu li jekk Malta u Għawdex ma jibqgħux jintgħoġbu mit-turisti, pajjiżna jitlef introjtu qawwi mill-ikbar industrija li għandu.
Tony Zahra kellu kliem ta’ tmaqdir dwar l-importazzjoni ta’ ħaddiema, il-mudell li qed jintuża f’pajjiżna li ma hu ser iwassalna imkien ħlief f’ħafna diffikultajiet li pajjijżna ma jiflaħx għalihom. Jekk Malta ser tibqa’ għaddejja b’din l-istrateġija, l-infrastruttura tal-pajjiż mhux ser tlaħħaq u ser tikkrolla u fuq kollox jaqa’ is-settur turistiku għad-detriment tal-pajjiż kollu.
Huwa esprima d-diżappunt tiegħu fuq tliet problemi li qed jaffettwaw lit-turismu. Waħda prinċipali hija l-indafa madwar il-pajjiż. Dan jirriżulta mill-kwantita’ kbira ta’ nies li żdiedu f’pajjiżna u qed jidher ċar li l-infrastruttura f’dan is-settur mhux tlaħħaq. L-Assoċjazzjoni qed jitolbu iktar impenn min-naħa tal-Gvern biex inżommu pajjiżna nadif u attraenti. Tony Zahra jiddikjara li “Malta saret maħmuġa”. Dan mhux aċċettabbli jekk irridu li nibqgħu nattiraw turisti. Huwa talab għal azzjoni urġenti biex jinżammu ndaf il-bajjiet, l-ibħra u t-toroq fost diversi postijiet oħra.
It-tieni problema li pajjiżna għaddej minnha hija l-kostruzzjoni. Tony Zahra qal li “Malta waslet f’punt fejn ebda lokalita’ jew triq m’hi ħielsa minn kostruzzjoni li tħalli warajha storbju, trab u kruha astetika”. Skond Zahra Malta saret sit ta’ kostruzzjoni permanenti. L-Assoċjazzjoni kkummentat fuq in-nuqqas ta’ koordinazzjoni u pjanar li qed iwasslu għal kaos u traffiku kullimkien.
It-tielet problema hija l-isfida li għandu pajjiżna fejn tidħol l-infrastruttura tal-enerġija. L-Assoċjazzjoni qalet li bil-qtugħ tad-dawl, l-agħar li marru kienu l-lukandi u r-restoranti. Bosta mill-membri tagħha spiċċaw jitilfu l-ikel li kellhom għax kellhom jarmuh. Apparti l-flejjes kbar li weħlu minħabba apparat li huma jużaw u li saritilhom il-ħsara. Tony Zahra qal li kienu diversi t-turisti li nqabbdu bla dawl fil-lukandi tagħhom. Oħrajn ikkanċellaw il-mawra tagħhom f’pajjiżna meta qraw dwar l-istraġi li pajjiżna kien għaddej minnha. Imma fuq kollox l-aktar li ntlaqtet kienet id-daqqa fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Tony Zahra saħaq li Malta għandha bżonn tnaqqas mill-kwantita’ ta’ turisti u tiffoka fuq il-kwalita’. F’pajjiżna inbnew wisq lukandi u appartamenti u biex jintlew dawn il-postijiet kollha pajjiżna irid jattira id-dopju ta’ turisti li qed jiġu bħalissa, xi ħaġa li nisperaw li ma tiġrix għax l-infrastruttura ma tkunx tista’ tlaħħaq ma’ dawn in-numri.
L-MHRA kienu kkommissjonaw rapport dwar is-sitwazzjoni tat-turiżmu f’pajjiżna imma sfortunatament il-Gvern ma għamel xejn biex itaffi xi ftit mil-problemi msemmija. Dan ir-rapport ilu li ġie pubblikat minn Settembru li għadda imma l-Gvern ma ħa ebda azzjoni biex jindirizza l-problemi msemmijin.
