Il-Prim Ministru jammetti li l-inkjesta maġisterjali ma kienetx biżżejjed: Colerio Preca tingħata raġun fuq il-pożizzjoni li ħadet.

Minn osservatur politiku

Il-Prim Ministru ma kellux triq oħra ħlief li jdoqq l-irtirata fuq il-kwistjoni tal-inkjesta pubblika. B’dak li għamel Dr Abela wera kemm ikkalkula ħażin meta qal li l-inkjesta maġisterjali hija biżżejjed biex issir ġustizzja. Tant kien fl-iżball li l-poplu wrieh li meta ikun hemm kawża ġusta l-poplu jipparteċipa.

Kienu diversi l-akkolti tal-Partit Laburista li ħaduha kontra Robert Abela għad-deċiżżjoni stramba li ħa dwar din l-inkjesta partikulari. Spiċċa biex għamel U-Turn qawwija u pjuttost kerha. Ir-raġuni li ġab li l-maġistrat talbet għal aktar żmien biex tikkonkludi r-rapport tagħha imma minn dak li qed jiġi rapurtat il-Prim Ministru ma tantx qed ikun emmnut.

Joseph Muscat kien wieħed li pronunzja ruħu u ma qabilx mal-Prim Ministru. Kien hemm oħrajn li ma ddejqux jippronunzjaw ruħhom kontra l-mexxej tagħhom stess. Imma forsi l-aktar li ħarġet kontra d-deċiżjoni tal-Prim Ministru kienet Marie-Louise Coleiro Preca li mhux biss marret kontra d-deċiżjoni tal-partit tagħha imma talbet għal inkjesta pubblika mingħajr ma qagħdet iġġib skużi. Coleiro Preca kitbet fuq facebook dak li kitbet wara l-intervista li kien għamel Robert Abela mal-MaltaToday.

L-eks-president qalet li bit-twemmin soċjalisti tagħha hija dejjem kienet fuq in-naħa tal-ħaddiem u iktar u iktar tissieħeb ma’ dawk li huma svantaġjati fis-soċjeta’. Hija kompliet billi ddikjarat li hi tintrabat ma’ dak li temmen fih mingħajr ma tħalli l-influwenza partiġjana taħkem fuqha. Hija kkonfermat li saħansitra ffirmat il-petizzjoni li kienet għamlet omm Jean Paul Sofia.

Hija kompliet tgħid li għalkemm l-inkjesta maġisterjali ser toħroġ il-kolpevoli, ma tidħolx fil-proċessi tax-xogħol fil-kostruzzjoni. Ma tidħolx lanqas fil-ħiliet, fil-kompetenzi u fin-neċessitajiet bżonnjużi għall-industrija tal-kostruzzjoni. Qed tgħid dan għax taf li hija biss l-inkjesta pubblika li tagħmel dan u tiġġudika wkoll jekk ix-xogħol li sar kienx mibni fuq pedamenti sodi jew fuq xogħol li ma kienx kif suppost.

Il-President Emeritus kompliet turi d-dispjaċir tagħha li l-Prim Ministru u l-kabinett kollu tiegħu għażlu li jivvutaw kontra l-mozzjoni mressqa fil-parlament il-ġimgħa l-oħra. Hija kompliet tinsisti li hemm bżonn ta’ inkjesta pubblika ħalli traġedja bħal din ma tirrepetix ruħha.

https://www.independent.com.mt/articles/2023-07-17/local-news/Marie-Louise-Coleiro-Preca-endorses-Jena-Paul-Sofia-s-vigil-6736253406

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading