Imħatra li wara d-dokument ta’ Darren Carabott għal Malta nadifa hemm l-id moħbija ta’ Claudio Grech?
Darren Carabott ippreżenta dokument għal Malta nadifa. Hu dokument ta’ natura ambjentali. Minn barra jidher bħala dokument li ma fih xejn xi tmaqdar. Anzi wieħed jarah, jaħseb li din hija inizjativa ta’ min ifaħħarha. Imma hemm ħaġa waħda li lili laqtitni jew kif ngħidu bil-Malti għajnejja għokritni minnha.
Għala Darren Carabott, li tant għandu għall-qalbu l-ambjent, li ħareġ b’dan id-dokument, qatt ma attakka l-proġett tal-lukanda ta’ Kemmuna? Naħseb ma tridx tkun mort l-universita’ biex ikollok it-tweġiba. U wara din it-tweġiba hemm l-ispjegazzjoni kollha ta’ dan id-dokument. Il-proġett tal-lukanda ta’ Kemmuna huwa ta’ Melo Hili li kien hemm miegħu Austin Gatt. Darren Carabott huwa il-kandidat ta’ Austin Gatt fuq l-ewwel distrett. Hu ħa post Claudio Grech fuq dan d-distrett. Infatti, Claudio Grech wkoll qatt ma attakka il-lukanda ta’ Kemmuna għaliex kif spejgajt, dan hu proġett tal-ħbieb ta’ Austin Gatt. Minflok dawn tawna dokument sabiħ dwar l-ambjent. Imma dan hu qabar imbajjad.
Jidher li minn dan id-dokument, il-PN għadu jrid idaħħal l-protezzjoni tal-ambjent fil-kostituzzjoni. S’issa mhux ċar kif din se taħdem u titħaddem. Imma din il-proposta għandha riħa ta’ gimmick mlibbsa f’dokument. Dan hu dokument sabiħ bħal programm elettorali kollu żbalji li kien għamel l-istess Claudio Grech għall-elezzjoni li għaddiet. Anke dan d-dokument għandu riħa ta’ Claudio Grech, il-filjozz ta’ Austin Gatt u l-konsulent ta’ Johann Schembri tal-pappagalli u l-lotteriji.
Din l-emenda u d-dokument dwarha ppreżentahom Darren Carabott f’isem il-PN. Dan huwa fatt li jagħmel din il-proposta waħda li tinxtamm tinten politikament. Darren Carabott mhux il-kelliem tal-ambjent. Hu l-kelliem tal-amministrazzjoni pubblika u l-kunsilli lokali. Janice Chetcuti hija l-kelliema tal-ambjent fil-Partit Nazzjonalista.
Għalhekk dan iġegħlni naħseb, li dan id-dokument inkiteb minn Claudio Grech b’imbuttatura ta’ Austin Gatt jew aħjar il-konsulenti tagħhom. La darba dan id-document kitbuh il-konsulenti ta’ Claudio Grech u Austin Gatt, allura tagħmel sens li jkun Darren Carabott li jidher li qed jippreżentah allavolja ma hux il-kelliem tal-ambjent.
Għalhekk nemmen li dan hu dokument insinifikanti u gimmick politiku. Nispera li wara dan id-dokument ma hemmx l-istess konsulenti li tawna l-Arriva u l-balbuljati l-oħra li tawna Austin Gatt u Claudio Grech għaliex mhux biss huwa insifinikanti imma huwa dokument disastruż ieħor.
Din l-istorja tkompli turi biċ-ċar li Austin Gatt u Claudio Grech għadhom jiġbdu l-ispag fil-PN. Il-faxxa l-oħra ta’ konsulenti huma mmexxija minn Richard Cachia Caruana u dawn, kif ġa kelli ċ-ċans nikteb, qegħdin wara Roberta Metsola. Jekk xejn din l-istorja turi li l-battalja biex iqaċċtu lil Bernard Grech qed terġa’ tbaqbaq.
Imma la darba Darren Carabott iddeffes fil-qasam tal-ambjent, mhux aħjar jibda kampanja kontra l-bini mil–ġdid tal-lukanda fuq Kemmuna? B’hekk jibda’ jikseb ftit kredibilita’ f’dan il-qasam. Jew għax din hija tal-familja Hili, il-ħbieb ta’ Austin Gatt, Darren Carabott ma jgħid xejn fuqha?
Hawn tinsab il-problema tal-PN. Il-PN għandu problema ta’ kredibilita’. Claudio Grech ried itajjar il-qodma biex imbagħad għandna l-qodma jiġbdu l-ispag fil-Partit Nazzjonalista. Fil-verita’, illum għandna l-antiki jipproġettaw lilhom infushom bil-wiċċ tal-ġodda, meta dawn il-ġodda huma biss mera tal-passat li mhux qed tispira fiduċja ta’ xejn mal-elettorat Malti.

