L-istqarrija iebsa tal-MAM dwar l-iskandlu tal-isptarijiet.

Minn Osservatur Politiku

Il-President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba, Dr Martin Balzan, qal li jekk il-Gvern ma jagħmilx l-isforzi tiegħu kollha biex jiġbor il-miljuni minn għand Vitals/Steward, allura wieħed jista’ jissuspetta li dan mhux qed isir biex ikun kopert xi ħadd x’imkien. Biex ikompli iżid ma’ dan is-Sur Paul Pace tal-MUMN qal li l-infermiera u l-qwiebel l-aktar li batew minn din il-konċessjoni. Kieku ma kienx għat-telf ta’ daqstant miljuni kieku l-Gvern kien jrrejaġixxi mod ieħor għat-talba tal-MUMN.

Dr Balzan kompla jemfasizza li huwa d-dover tal-Gvern li jiġbor lura l-400 miljun euro li ingħataw lil Vitals/Steward. Huwa qed jittama li l-Gvern ma jdumx ma jidħol għal ċertu kawżi legali biex jiġbor lura dawn il-flus. Huwa kompla jgħid li l-MAM ilha seba’ snin tgħid l-istess ħaġa li din il-konċessjoni ma kienetx ta’ ġid għall-poplu. Saħansitra Dr Balzan kien tant konvint minn dan, li ta x-xhieda tiegħu fil-qorti.

Dr Balzan kompla jgħid li l-Gvern ilu taħt attakk fuq din il-konċessjoni imma ċ-ċirasa fuq il-kejk waslet meta fl-24 ta’ Frar ħarġet is-sentenza tal-kawża li fetaħ Adrian Delia. Dik ikkonfermat dak li ilha tgħid il-MAM u fil-fatt annullat il-kuntratti kollha li kellhom x’jaqsmu ma’ din il-konċessjoni frawdolenti. Dr Balzan kompla jistqarr li din il-konċessjoni ma ssalvagwardjatx l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Huwa qed jittama li l-investigazzjonijiet ma jifqux ħalli verament inkunu nafu kif saret din il-ħadma kollha u naraw jekk kienx hemm politiċi u oħrajn li kienu nvoluti f’din il-konċessjoni. Dr Balzan qed jikkontendi li la darba il-konċessjonarji ma wettqux dmirhom u ma tawx lill-poplu dak li kienu ftehmu dwaru, allura għandhom jittieħdu passi legali biex jinġabru l-flus kollha li jkunu tħallsu.

Meta kkontatjat Paul Pace, huwa qal li dak li ħiereġ dwar il-konċessjoni mhux qed jimpressjonah għaliex kien diġa’ wasal għall-konklużjonijiet li hemm affarijiet ħżiena. Huwa stqarr li l-agħar li marru keen l-membri tal-MUMN għax kienu vittmi diretti ta’ din il-ħadma għax il-Gvern kien ħareġ miljuni kbar biex ħallas lil Vitals/Steward. Kieku ma ħallasx dawn il-flejjes kollha, l-Gven ma kienx jgħid lill-infermiera u l-qwiebel li għalihom ma kienx hemm flus.

Mr Pace kompla jgħid mat-talba tagħhom tfaċċat ġlieda kbira mal-Gvern. Il-Gvern kien diġa’ waddab fil-bir tas-skieken mijiet ta’ miljuni u kellu diffikulta finanzjarja biex jagħti lill-infermiera u l-qwiebel dak li verament kien ħaqqhom. Mr Pace kompla jgħid li jinsab skantat u maħsud b’dak li qal is-Segretarju Permanenti tas-Saħħa. Dan ġie kwotat li qal, li kieku l-Gvern kellu jwaqqaf il-konċessjoni kien ifisser li l-istess Gvern ried jagħti lil Steward 200 miljun euro u allura kien jimpatta fuq is-servizzi tas-saħħa lill-poplu Malti u Għawdxi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *